‘Slapped Cheek Syndrome’ fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa

‘Slapped cheek’ litteralment tfisser ħuġbejn li ngħataw daqtejn. Filfatt tfal li jkollhom Slapped Cheek Syndrome jkollhom virus li bih jiħmaru ħafna l-ħuġbejn.

Dan il-virus huwa preżenti fl-iskola primarja tal-Mellieħa. Ġenituri ta’ tfal li jattendu din l-iskola qed jingħataw ċirkulari li fuqu hemm informazzjoni dwar din il-marda.

Dr Charmaine Gauci, Direttriċi tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, qalet li s’issa dan il-virus jidher li jinsab f’din l-iskola biss. Saħqet li mhux virus allarmanti, u juri sintomi ta’ riħ komuni.

Normalment dan il-virus jaffetwa tfal bejn it-tlett snin u l-ħmistax-il sena. Jittieħed bl-istess mod li jittieħed riħ normali, jiġifieri mill-bżieq u l-agħtis. Huwa diffiċli li tipprevjeni dan it-tip ta’ virus. L-aħbar tajba hi li jekk jaqbdek dan il-virus, aktarx li qatt aktar ma jerġa’ jaqbdek tul ħajtek.

Fl-ewwel stadju, dak li jkun jista’ jaqbdu d-deni, griżmejh juġawh, uġiħ ta’ ras, stonku mqalleb, għejja u ħakk. F’din il-fażi, il-marda l-aktar li tittieħed.

Wara tlett’ijiem, joħroġ raxx aħmar fuq il-wiċċ, u wara dan ir-raxx jinfirex għas-sider, l-idejn u s-saqajn.

Ħafna tfal ma jkollhomx bżonn trattament, u s-sintomi jgħaddu wara ftit jiem. F’xi każi s-sintomi jdumu sa ħames ġimgħat.

L-unika mod kif Slapped Cheek Syndrome jista’ jiġi evitat huwa bil-ħasil frekwenti tal-idejn.