“SLAPP: Bżonn soluzzjoni legali u evalwazzjoni tal-libertà tal-espressjoni”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tat-Teknoloġija Informatika (MITLA) saħqet li minkejja li soluzzjoni legali li tipproteġi individwi mill-iStrategic Lawsuits Against Public Participation (SLAPP) u t-turiżmu tal-libelli hija neċessarja, hemm bżonn li jiġi eżaminat mill-ġdid id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja tal-lum.
Fi stqarrija, il-MITLA kompliet tgħid kif soluzzjoni għandha tirrikonoxxi li l-ħelsien tal-kelma huwa dritt fundamentali skont kif inhu mniżżel f’Artiklu 41 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll trattati u konvenzjonijiet oħra internazzjonali, kemm onlajn u offline.
Il-MITLA sostniet li r-riskju li jinfetaħ libell internazzjonali kontra ġurnalist lokali qed jinterferixxi mad-drittijiet tal-ġurnalisti u persuni oħra li jaħdmu f’dan il-qasam u jgħidu li tkun qed tattakka id-dritt tal-poplu Malti li jirċievi informazzjoni ta’ importanza pubblika.
Għaldaqstant, il-MITLA temmen li l-iSLAPP hija xi ħaġa li tikkonċerna l-pubbliku inġenerali u għalhekk għandha tkun kwistjoni ta’ politika pubblika.
L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament bl-iskop li ssir emenda fil-liġi biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lill-midja lokali milli jkollhom jiffaċċjaw kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tagħhom permezz tal-iSLAPP.