SLAPP: “Bl-argument tal-Gvern awtorizzazzjoni ta’ abort trid tiġi rikonoxxuta f’Malta”

Skont il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jrid iqarraq dwar l-iSLAPP u ġab eżempju b’każ ipotetiku ta’ abort.
Ilbieraħ Bonnici qal li l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) jobbligaw stati membri tal-UE biex jirrikonoxxu sentenzi li jinqatgħu fi stati membri oħra.
SLAPP – Strategic Lawsuits Against Public Participation huma kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tal-ġurnalisti.
Ma’ Newsbook.com.mt Azzopardi uża l-eżempju ta’ każ tal-abort li fakkar li huwa llegali f’Malta. Qal li jista’ ikun hemm mara Maltija li ġġib sentenza mill-Ingilterra li tawtorizzaha tagħmel l-abort f’pajjiż ieħor. Qal li bl-argument tal-Gvern, dik is-sentenza tkun trid tiġi rikonoxxuta f’Malta għaliex l-argument tal-Gvern kien li l-importanti hu li s-sentenza ġa ladarba ngħatat minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ma tistax iżżommha milli tkun esegwita Malta.
Jason Azzopardi qal li jekk diġà saret kawża fl-Istati Uniti kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għad-danni ta’ $40 miljun huwa ovju li għamluha biex tiġi nfurzata f’Malta u mhux biex jagħmluha f’inkwatru biex jiqba’ fl-Istati Uniti.
Azzopardi fakkar li f’Ottubru li għadda, ditta legali Amerikana u oħra ġewwa l-Ingilterra kitbu lil tliet kmamar tal-aħbarijiet f’Malta biex ineħħu xi artikli dwar Pilatus Bank. Qal li kieku vera għandu raġun Bonnici, dawn ma kienux se jiftħu kawżi barra minn Malta.
Fi kliem Azzopardi, il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qalet li trid tipproteġi lill-ġurnalisti minn kawżi barranin juri li dak li kien qed jipproponi hu ma jmurx kontra l-liġi tal-UE.
Gvern li jaqbeż għall-barranin
Fil-fehma ta’ Azzopardi l-Gvern qed jaqbeż għas-sinjuri barranin u mhux għall-ġurnalisti Maltin.  Qal li l-Gvern għandu interess li entitajiet bħal Pilatus Bank u Henley & Partners jagħmlu kawżi biex jgħalqu ħalq il-ġurnalisti.
Dalgħodu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa lest li jevalwa l-proposti li jista’ jkollu l-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti fejn tidħol l-iSLAPP.