Slaleb ħomor fuq siġar f’Ħ’Attard; “mhux se jitqaċċtu”

Infrastructure Malta qalet li xi ħadd pinġa slaleb ħomor fuq għadd ta’ siġar f’Ħ’Attard biex jagħti l-impressjoni li dawn se jitqaċċtu, mentri mhux il-każ.

L-entità ċaħdet li dawn is-siġar fi Triq l-Imdina, qrib l-Isptar Monte Karmeli, se jinqalgħu bħala parti mill-proġett Central Link. Stqarret li dawn il-mark ma sarux mill-impjegati jew kuntratturi tagħha.

Dwar il-proġett kontroversjali li wassal għal diversi dimostrazzjonijiet u protesti, Infrastructure Malta qalet li l-proġett “ġie ddisinjat apposta sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-ammont ta’ siġar li jeħtieġ jitneħħew sabiex isiru korsiji, bankini, waqfiet għall-karozzi tal-linja u korsiji għar-roti ġodda. Fl-istess waqt, il-proġett se jintroduċi żoni ġodda fejn ser inħawlu ħafna aktar siġar fl-istess żona.” 

Ix-xogħol fuq il-proġett beda sitt ijiem ilu, u qala’ ħafna kritika.

Dan il-proġett qed iwiegħed 285 siġra iżjed milli hemm illum f’Ħ’Attard, f’Ħal Balzan u f’Birkirkara.

Ftit tal-jiem ilu, l-organizzazzjoni Extinction Rebellion reġgħet semmgħet leħinha kontra l-proġett. Qalet li l-Gvern għandu joffri trasport pubbliku b’xejn minflok dan il-proġett.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li Chris Fearne u Robert Abela għandhom iwaqqfu x-xogħol fuq is-Central Link. Dan qalu meta t-tnejn kienu qed jikkontestaw l-elezzjoni għall-kariga ta’ Mexxej tal-Partit Laburista u allura Prim Ministru, qabel ma Robert Abela laħaq Prim Ministru ta’ Malta.