Skuters elettriċi issa fl-Ewropa wkoll

L-aħħar craze Amerikana għall-iskuters elettriċi jidher li se tasal l-Ewropa. Il-kumpanija Lime, ibbażata f’Silicon Valley, se tniedi l-iskuters popolari tagħha f’Pariġi. Dan se jkun biss il-bidu ta’ pjan ta’ espansjoni internazzjonali aggressiva.

Il-wasla tal-iskuters popolari, iżda kontroversjali, f’Pariġi, il-belt li bdiet il-kunċett tas-servizz ta’ bikesharing b’Velib, aktar minn għaxar snin ilu, se jkun test importanti għall-aptit tal-konsumaturi u r-regolaturi għal servizz li attire investiment qawwi fl-Istati Uniti. Fl-Amerika, Lime u l-kompetitur ewlieni tagħha Bird, jipprovdu trips bl-iskuters għal ftit dollari, bl-użu ta’ smartphone app. Dawn jivvjaġġjaw b’veloċità massima ta’ 15-il mil fis-siegħa. Jinstabu mifruxa madwar belt u jistgħu jitħallew kullimkien.

Kemm Lime, kif ukoll Bird, li impjegat eks uffiċjal eżekuttiv ta’ Uber biex imexxi l-operat Ewropew  tagħha, irrikorew fuq is-suq biex jiġbru miljuni ta’ dollari.

Fl-Istati Uniti, kien hemm diversi regolaturi li esprimew tħassib dwar dawn l-iskuters, fosthom minħabba l-fatt li dawn l-iskemi jużaw loopholes legali, jimlew il-bankini u joħolqu riskju għas-sigurtà ta’ min ikun mixi fuq il-bankini.Madankollu, il-possibbiltà li wieħed jaqbad u jitlaq skuters b’saħħithom minn fejn irrid għal ftit dollari saret ferm popolari mal-Amerikani għal vjaġġi qosra min-naħa għall oħra tal-bliet. Skont Lime, fix-xahar ta’ April kull skuter intuża madwar disa’ darbiet kuljum f’san Francisco.

Lime qed tfittex investitur strateġika mill-Ewropa u qed timmira li sal-aħħar tas-sena tkun preżenti f’125 suq madwar id-dinja.