​SKSM Karate Malta rebbieħa ta’ erba’ midalji fil-Ġermanja

Suċċess ieħor fil-Karate wara dak miksub fir-Rumanija f’kampjonati Ewropej fi Cluj Napoca fejn intrebħu total ta erba’ midalji.
Tim ieħor mill-iskola Maltija tal-Karate, SKSM Malta, għadu kif kiseb erba’ midalji oħra fil-kampjonati Internazzjonali f’Brake, fil-Ġermanja, fejn ħadu sehem ħdax il-pajjiż.
It-tim Malti kien magħmul minn tliet żagħżagħ maltin, Daniel Bezzina, Jonathan Zammit u Andrew Galea fejn bejniethom kisbu midalja tal-Fidda u tliet midalji tal-Bronż.
Il-kampjonati kienu organizzati fuq ġurnata waħda u kien hemm parteċipazzjoni ta madwar 300 atleta minn għaxar pajjiżi differenti li jagħmlu parti mill-World Union Karate Federation (WUKF).
It-tim SKSM, kien taħt id-direzzjoni tal-kowċ Malti Chris Galea li huwa wkoll President tal-WUKF Malta.
Għal Zammit u Bezzina li kkompetew fl-istess kategorija, din kienet l-ewwel esperjenza tagħhom f’kampjonati barra minn xtutna.
It-tnejn li huma rnexxielhom jgħaddu mal-aħħar sitta biex fil-finali spiċċaw jikkompetu kontra xulxin għat-tielet post meta spiċċaw b’punti ndaqs.
Bezzina irnexxielu jikseb it-tielet post u l-ewwel midalja tal-Bronż għal Malta, b’Zammit li kellu jikkuntenta bir-raba’ post minn fost tnax-il atleta li ħadu sehem f’din il-kategorija.
Andrew Galea, ikkompeta fil-kategorija ta’ bejn is-16 u 18-il sena fost 17-il atleta.
Galea, għadda ghall-fażi finali u spiċċa okkupa l-ewwel post bl-istess punti mal-atleta Rumen, li ġimgħa ilu rebaħ il-midalja tad-deheb fl-istess kampjonat Ewropew.
Galea kellu jikkuntenta bit-tieni post, wara differenza minima ta’ żewġ punti.
Dan għal Galea kien ifisser avvanz ta’ post u l-ewwel midalja personali, kif ukoll it-tieni midalja għal Malta.
Fis-sezzjoni tal-Kumite, Daniel Bezzina rebaħ l-ewwel konfront tiegħu u spiċċa tilef it-tieni fil-fażi preliminari.  
Andrew Galea, għadda għas-semifinali, fejn spiċċa bi dro ta mingħajr punti.
Wara l-ħin barrani tilef b’punt wieħed u kellu jikkuntenta bit-tielet post.  Dan kien ifisser, midalja tal-Bronż għal Galea u t-tielet midalja għal Malta.  Fil-kategorija Open, Galea xorta għamel ħiltu u bil-wirjiet li ta, rnexxielu jibqa tiela’ għall-darba oħra sal-fażi tas-semifinali fejn wara li tilef kontra l-finalist, spiċċa jiġġieled għat-tielet u r-raba post.
Galea għeleb lill-atleta Ġermaniż u ġie ppremjat bit-tielet midalja personali, dik tal-Bronż u r-raba midalja għall-Malta.
Wara dawn il-kampjonati, Chris Galea, se jkun impenjat b’tim ieħor mill-istess skola biex jirrapreżenta lil Malta fl-akbar kompetizzjoni li ssir fid-dinja, dik tal World Karate Championships, fil-Polonja.