Skrutinizzar tal-kandidati, u aktar assistenti fil-pjan ta’ Delia għall-PN

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li jekk jilħaq kap isaħħaħ l-istrutturi tal-partit billi s-Segretaru Ġenerali tal-partit ikollu żewġ assistenti miegħu minflok wieħed, u billi l-Kunsill Ġenerali jiskrutinizza bir-reqqa lil kull kandidat li jikkontesta elezzjoni f’isem il-PN.
Delia qal fi stqarrija li l-istrutturi fi ħdan il-PN jeħtiġilhom ikunu aktar effiċjenti u jiffaċilitaw il-ħidma politika, u għalhekk saħaq li bil-PN bih fit-tmun dawn l-istrutturi jissaħħu.
Huwa qal li l-ħolqien tal-gruppi ta’ diskussjoni dwar il-politika tal-partit kien pass tajjeb fil-passat, iżda ma ħalliex ir-riżultati mixtieqa.
Enfasizza li jridu jinħolqu strutturi permanenti fil-PN li jinfirxu b’mod orizzontali, u jkunu jinkludu l-fergħat kollha tal-partit f’kull tema possibli. Kull waħda minn dawn l-istrutturi ġodda, aċċenna Delia, irid ikollha membri appuntati mill-fergħat l-oħra tal-partit.
Huwa għafas fuq il-punt li bl-ebda mod m’għandu f’moħħu li b’dil-proposta jxejjen ix-xogħol tal-fergħat eżistenti, anzi li jrid hu li l-politika tal-partit tissawwar minn fost in-nies u mhux minn fuq għal isfel.
Il-kandidat irrimarka li dawk li jiddeċiedu li joħorġu f’isem il-PN jiġu skrutinizzati fl-elezzjonijiet kollha, inklużi dawk tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew.
Ippropona wkoll li terġa’ tiġi full-time il-ħatra ta’ Direttur għall-Kunsilli Lokali, sabiex il-kunsilliera tal-PN isibu l-appoġġ kollu possibli u r-riżorsi meħtieġa.