Skripal: Ċans li n-Novichok sar fir-Repubblika Ċeka – il-President

Il-President tar-Repubblika Ċeka, Milos Zeman, qal li t-tip ta’ sustanza Novichok li intużat biex ivvelenat lill-eksspija Russu f’Marzu li għadda, kienet ġiet prodotta s-sena l-oħra fir-Repubblika Ċeka.
Iddikjara li kienet ġiet prodotta f’ammonti żgħar, imbagħad ittestjata u finalment meqruda.
Zeman kien qed jikkwota rapport maħruġ mill-aġenzija ta’ spjunaġġ tal-pajjiż stess, investigazzjoni ordnata minnu.
L-investigazzjoni kien talab li ssir wara li r-Russja kienet iddikjarat li n-Novichok aktarx kien ġej mir-Repubblika Ċeka.
Sergei u bintu Yulia Skripal kienu ġew avvelenati f’Marzu li għadda f’Salisbury, ir-Renju Unit.
Kien intqal li s-sustanza kienet qawwija immens, u ċ-ċans ta’ ħajja għaż-żewġ persuni kien minumu. Madankollu minn dakinhar bint l-eksspija ħarġet mill-isptar, filwaqt li l-missier għadu f’qagħda kritika, għalkemm stabbli.
Ir-Renju Unit mill-ewwel waħħlet fir-Russja li ppruvat toqtol lil dan l-eksspija. Ma’ dawn l-allegazzjonijiet ingħaqdu wkoll bosta pajjiżi oħra, bħall-Istati Uniti, u anki Malta.
Dan kien wassal biex ir-Renju Unit u l-Istati Uniti jkeċċu għexieren ta’ diplomatiċi Russi minn pajjiżhom, u r-Russja rritaljat bl-istess mod.
Ir-Russja dejjem ċaħdet li s-sustanza għamlitha hi, jew li kellha xi intenzjoni biex ittemm ħajjet l-ekspsija.
Madankollu, il-President tar-Repubblika Ċeka qal li xorta għad hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar x’sustanza ġiet immanifatturata s-sena l-oħra fil-pajjiż.
Il-Gvern għadu ma kkummentax fuq dak li qal il-President, u interessanti jingħad li anki r-Repubblika Ċeka kienet keċċiet 3 diplomatiċi Russi, f’solidarjetà mar-Renju Unit.
Anki l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, qal li din hija gidba tan-Novichok u r-Repubblika Ċeka.