Skoss kamaleonti fost l-MPs Maltin

Għadd sostanzjali tal-Membri Parlamentari Maltin iżommu mat-Taljani fil-futbol, u għaldaqstant din is-sena kellhom jitqannew b’timijiet oħra, li huma inqas għal qalbhom. Oħrajn, bħal Carmelo Abela, Ian Borg, Rosianne Cutajar u Karl Gouder mhu qed jappoġġjaw lil ħadd.

Karol Aquilina, Aaron Farrugia u Clyde Puli saru Franċiżi.

Byron Camilleri u Simon Busuttil Belġjani.

Chris Agius mill-Italja spiċċa r-Russja.

Ryan Callus u Roderick Galdes għażlu l-Iżlanda.

Alex Muscat għażel it-timijiet iż-żgħar u Glenn Bedingfield ra iktar kbir… it-timijiet Ewropej.

Imbagħad hemm l-Ingliżi, li għax waslu sas-semifinali din id-darba, qishom rebħu l-lotterija (ma tagħtihomx tort!): David Agius, Anthony Agius Decelis, Robert Arrigo, Frederick Azzopardi, Owen Bonnici, Robert Cutajar, Adrian Delia, Godfrey Farrugia, Michael Farrugia, Mario Galea u Chris Said.

Risposta unika u tista’ tgħid l-isbaħ kienet ta’ Josè Herrera, li qalilna li oriġinarjament iżomm mal-Ingliżi, dan l-aħħar qaleb mat-Taljani, u f’din l-edizzjoni qed iżomm mal-Ingliżi “for old times sake”. Iddeċiedi!

Jason Azzopardi ilu l-isbaħ ġimagħtejn jixrob il-bitter lemon wara li nqalgħu l-Ġermanja. Etienne Grech jagħmillu kuraġġ!

Kristy Debono mal-Brażil… forsi qed tieħu t-te bil-lumi? Għax minn kif smajna akkanita sew!

Marlene Farrugia ma’ Franza “għax l-Olanda ma daħlux”. Clifton Grima ma jżomm ma’ ħadd, imma jappoġġja lill-Franċiżi wkoll.

Imbagħad, dejjem skont Clifton Grima, Joseph Muscat kien qed iżomm mas-Senegal.

Imma Ivan Bartolo l-aħjar… għax il-futbol ma jinteressahx u ma jafx x’qed jiġri!