Skopri min jista’ jkun Elvis f’film li se jinħadem

Il-films biografiċi qed isiru popolari mmens fiċ-ċinema. Wara s-suċċess fenomenali ta’ Bohemian Rhapsody dwar Freddie Mercury, u preżentement is-suċċess ta’ RocketMan dwar Elton John, issa jmiss wieħed dwar Elvis Presley.

Dan il-film se jkollu direzzjoni ta’ Baz Luhrmann u bosta huma dawk li qed jiġu kkunsidrati biex jinterpretaw lil Elvis żagħżugħ.

Ritratt: Pinterest

Harry Styles li hu magħruf flimkien mal-grupp One Direction, huwa fost dawk li għamel l-audition għal din il-parti.

L-aħbar uffiċjali dwar min se jkun qed jinterpreta lil Elvis mistennija tinħareġ sal-aħħar tax-xahar. Hu fatt magħruf li Styles mhux l-unika wieħed li għamel il-provi għal din il-parti.

Skont rapporti li nħarġu ftit tas-sigħat ilu, hemm ukoll Ansel Elgort tal-film Baby Driver. Elgort qiegħed jieħu sehem ukoll fir-remake ta’ West Side Story li qed jaħdem Steven Spielberg.

Aaron Taylor-Johnson (Avengers: Age of Ultron), Austin Butler (Once Upon a Time In Hollywood) u Miles Teller li se jaħdem fis-sequel  ta’ Top Gun, bl-isem ta Top Gun: Maverick, huma l-atturi l-oħra li qed jissieltu għal din il-parti.

Ritratt: Dick Thomas Johnson

Attur li diġà huwa kkonfermat li se jkun qed jieħu sehem f’dan il-film f’parti prominenti huwa Tom Hanks li se jinterpreta lil Col. Tom Parker, il-maniġer ta’ Elvis li wasslu sal-quċċata fil-karriera tiegħu.

Il-film, minbarra li se jiffokka fuq l-ewwel snin fil-karriera ta’ Presley, se jitratta wkoll bosta fatturi kif Presley u Parker ma kienux dejjem jaraw għajn m’għajn, minkejja li kien Parker li kien imbotta lil Presley u kisiblu wħud mill-aqwa kisbiet fil-karriera tiegħu fosthom il-kuntratt mat-tikketta tad-diski RCA.

Elvis Presley twieled nhar it-8 ta’ Jannar, 1935 u miet fis-16 ta’ Awwissu 1977.

Apparti s-suċċessi fix-xena tal-mużika, Presley ħadem ukoll għadd kbir ta’ films, bl-ewwel wieħed Love Me Tender, li kien inħareġ fl-1956.

Presley kien miżżewweġ darba waħda biss, lil Priscilla Beaulieu u kellhom tifla, Lisa Marie.

Għalkemm dan il-film jinstab fi stadju kmieni, bosta huma konvinti li dan il-film jista’ faċilment jissupera s-suċċess ta’ Bohemian Rhapsody.