Skoperta ġdida jaf twassal għall-kura tad-dimenzja

Xjentisti fl-Università ta’ Cambridge għamlu skoperta ġdida li biha jaf ikunu jistgħu jikkumbattu ċ-ċelloli li jikkawżaw il-marda tal-Alzheimer’s, li hija forma ta’ dimenzja. Jekk kollox jimxi b’mod pożittiv l-ewwel ġenerazzjoni ta’ mediċini jaf jibdew jiġu ttestjati minn kliniċi daqs sentejn oħra.

Mir-riċerka li għamlu dawn ix-xjentisti flimkien ma’ oħrajn mill-Iżvezja, sabu mod kif jikkumbattu l-partiċelli tossiċi li joqtlu ċ-ċelloli f’saħħithom tal-moħħ.

Il-Professur Michele Vendruscolo, li kien involut fir-riċerka spjega li t-testijiet kliniċi li saru qabel kienu jiffukaw fuq il-potenzjal li tinstab mediċina li timmodifika l-marda. Madanakollu sostna li dawn kollha fallew. Irrimarka li t-testijiet li kienu ta’ suċċess ippermettew li jiġu kkreati mediċini li jfejjqu s-sintomi tal-Alzheimer’s, u mhux il-progress tagħha.

Madanakollu s-sejba li għamlu issa spjega li se tkun qed twassal sabiex dawn il-partiċelli tossiċi, li jgħidulhom patoġeni, jiġu attakkati b’mod dirett minn mediċini ġodda. Fiż-żmien li ġej se jkunu qed ifittxu forom ta’ kif jistgħu jattakkaw lil dawn il-partiċelli li mbagħad jintużaw biex tiġi kkreata mediċina.

Kważi 10,000 persuna bid-dimenzja f’Malta sal-2030

Skont studju li kien sar mill-Università ta’ Malta, fis-sena 2010, f’Malta kien hawn 5,198 persuna bid-dimenzja u/jew Alzheimer. Dan in-numru mistenni jilħaq id-9,883 persuna fis-sena 2030.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon kien qal fil-Parlament li studji ta’ kemm id-dimenzja tiswa’ lil Malta qatt ma saru lokalment. Iżda skont studju li sar mill-Università ta’ Karolinska, fl-Iżvezja u li ġie ppublikat fis-sena 2010,  instab illi f’Malta n-nefqa totali fuq id-dimenzja tvarja bejn €63.1 miljun għal €96.2 miljun.

Għalkemm għaddew kważi għaxar snin minn dan l-istudju, huwa jibqa’ l-aktar studju ricenti ta’ din ix-xorta.