Skont Standard and Poor’s l-ekonomija ta’ Malta hi stabbli

L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu Standard and Poor’s żammet l-istess rata tal-kreditu ta’ Malta BBB+/A-2.
S&P qalet li dan jikkonferma li l-ekonomija ta’ Malta hi waħda stabbli u sostniet li dan hu grazzi għall-investiment fis-settur tal-enerġija.
Żiedet tgħid li dawn l-investimenti huma riżultat dirett tal-politika tal-ekonomija u tal-enerġija tal-Gvern.
L-aġenzija qed tistenna li l-ekonomija ta’ Malta tkompli tikber b’medja ta’ 2% fis-sena, li hi rata aħjar minn ta’ bosta pajjiżi fiż-Żona Ewro.
S&P qalet li għalkemm l-esportazzjoni tista’ tiddependi mid-domanda fis-swieq barrani, xorta tbassar li sal-2018 l-ekonomija Maltija se jibqa’ jkollha bilanċ tal-pagament bis-saħħa tar-riżultati tajbin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li fl-amministrazzjoni preċedenti, il-prodott gross domestiku kien żdied bi 8 punti perċentwali u li issa S&P qed ibassru li din iż-żieda se tkun inqelbet kompletament.
 
Reazzjoni PL
Il-Partit Laburista qal li dan hu pożittiv għal Malta li jnissel kuraġġ u jkattar l-ottimiżmu mhux biss fil-Gvern iżda fil-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Sostna li dawn ir-riżultati ekonomiċi ma jikkonfermawx biss in-numru iżda jikkonfermaw il-fiduċja li l-poplu għandu fil-Gvern.