Aġġornata: Il-GWU toħroġ għonqha kontra l-proposti tal-MEA

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) ippreżentat dokument bil-proposti sabiex jiġi emendat l-Att dwar ix-Xogħol u r-relazzjonijiet Industrijali.
 
Fost il-proposti tal-MEA hemm li:

  • Ħaddiem mhux intitolat għas-sick leave f’każ ta’ xemxati, sakra, uġigħ minħabba xi sport u kundizzjonijiet oħra li jista’ jevita.  L-MEA qed tipproponi li is-sick leave ma jiġix aċċettat anke jekk it-tabib jgħid li l-ħaddiem ma jistax jaħdem.
  • Operazzjonijiet kożmetiċi m'għandhomx jaqgħux taħt is-sick leave.
  • Il-paga tista’ titnaqqas f’każ li l-ħaddiem ma jaħdimx in-notice, jieqaf mill-impjieg qabel ma jiskadi l-kuntratt, jekk omm ma taħdimx sitt xhur wara li tidħol mill-maternity leave u jekk ħaddiem ikun tefa’ r-riżenja tiegħu wara li ħa l-ġranet kollha tal-leave.
  • Dawk li jaħdmu wkoll is-Sibt u l-Ħadd għandhom jitilfu l-festa pubblika li tkun fil-ġurnata franka.
  • Għandu jiġi ċċarat min jista' jidħol f'unjin u min le.
  • Min iħaddem għandu jiġi avżat tlett ijiem qabel ma jsir strajk.
  • M’għandux jitħallas l-overtime għal ċertu xogħlijiet, iżda s-sigħat żejda li jinħadmu jkunu inklużi diġà fil-paga.
  • F’każ ta’ riżenja, għandu jkun hemm żmien obbligatorju ta’ notice.
  • Il-kumpens tat-tribunal industrijali m’għandux ikun aktar mit-18-il xahar paga u d-deċiżjoni għandha tittieħed f’temp ta’ tliet xhur.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joe Farrugia qal li skont dak li qalulu min iħaddem, it-Tnejn hi l-ġurnata popolari għas-sick leave.
 
L-MEA qalet li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jiġu ppreżentati lill-MCESD biex ikunu suġett għad-diskussjoni.

Reazzjoni tal-General Workers' Union
Il-GWU ħarġet b’għonqha kollu kontra l-proposti tal-MEA.  Is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin, Tony Zarb, qal li dawn il-proposti jitgħu lill-ħaddiem 20 sena lura.
Zarb wissa li l-unjin mhux se toqgħod siekta quddiem dawn il-proposti u bi ħsiebha tissielet għad-drittijiet tal-ħaddiema.
Wissa wkoll li jekk min iħaddem se jkompli jagħmel pressjoni biex dawn il-proposti jiġu aċċettati, ifiser li se jkun hawn inkwiet industrijali.