Skont l-Istat Iżlamiku l-coronavirus huwa kastig divin

REUTERS/Lucy Nicholson

Read in English.

L-Istat Iżlamiku qal li l-pandemija tal-coronavirus huwa kastig divin għall-għedewwa tiegħu, skont xandira bl-awdjo li fiha l-ġiħadisti wegħdu aktar attakki.

Il-persuna li rrekordjat dan il-messaġġ, li tpoġġa fuq wieħed mis-siti tal-militanti, identifikat lilha nfisha bħala Abu Hamzah al-Quraishi iżda l-aġenzija internazzjonali Reuters ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma l-veraċità ta’ dan.

“Alla, bir-rieda tiegħu, bagħat din il-piena lit-tiranni ta’ żminijietna u s-segwaċi tagħhom, piena li ma tidhirx b’għajnejna”, b’referenza għall-marda tal-COVID-19.

“Illum, aħna kuntenti li Alla bagħtilkhom dan il-kastig.”

Dan kienet it-tielet rekording ta’ dan it-tip mill-grupp ta’ Musulmani Sunni wara l-ħatra ta’ Abu Ibrahim al-Hashemi al-Quraishi bħala mexej ġdid wara l-qtil ta’ Abu Bakr al-Baghdadi mill-forzi speċjali tal-Istati Uniti fil-Majjistral tas-Sirja lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.

Quraishi ħeġġeġ lill-ġellieda tal-Istat Iżlamiku “huma fejn huma biex jużaw is-saħħa kollha tagħhom fuq l-għedewwa ta’ Alla u jattakkawhom fil-postijiet tagħhom”. “Tħallux ġurnata tgħaddi milli tagħmlulhom ħajjithom miżerja.”

Hu ma semma’ ebda objettivi speċifiċi iżda rrefera għal pajjiżi fejn il-grupp huwa attiv, bħas-Sirja u l-Iraq, kif ukoll il-punent tal-Afrika.

L-Istat Iżlamiku sabha diffiċli biex jerġa’ jingħaqad u jiżviluppa strateġija ġdida wara l-qtil ta’ Baghdadi. Il-grupp terroristiku tilef l-aħħar biċċa territorju importanti li kellu fis-Sirja s-sena li għaddiet wara li kien megħlub ukoll fl-Iraq.

Is-sit ta’ monitoraġġ SITE Intelligence Group qal li r-rekording jidher awtentiku. Huwa sostna li “l-kelliem tal-Istat Iżlamiku jirrifletti s-sentiment tal-ġiħadisti li l-COVID-19 huwa kastig divin”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn