Skont ir-rapport tal-awdituri Steward hija kumpanija falluta – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li skont l-audit accounts tal-kumpanija Steward , il-Gvern qed jaħdem ma’ kumpaniji falluti. Waqt konferenza tal-aħbarijiet Dr Delia qal li l-Gvern għandu kopja tar-rapport ukoll.

Delia spjega li mill-audit accounts ta’ Steward fl-2017 jirriżulta li l-assi jaqbżu s-€27 miljun. Żied li jekk wieħed jgħodd t-telf tal-2016 u tal-2017 isib li n-net liability position hija ta’ aktar minn €27 miljun.

Fid-dawl ta’ dan, Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela għandu biżżejjed informazzjoni biex jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn u jwaqqaf immedjatament dan il-kuntratt. Kompla li Abela għandu jara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u Konrad Mizzi għandhom jiġu investigati.

Dr Delia għamel numru ta’ mistoqsijiet li għalihom l-Prim Ministru għandu jwieġeb. Huwa staqsa:

  • Fl-audited accounts hemm inkluzi administrative expenses li jaqbzu l-€25 miljun, li ma saritx nota u schedule biex jingħata breakdown, fejn marru dawn il-miljuni fl-2017?.
  • Fin-noti dwar spejjeż joħroġ li d-Diretturi ħadu €6 miljuni f’remunerazzjoni. Hemm other expenses li jlaħħqu l-€24 miljun.
  • Jekk il-Gvern jaf x’inhuma dawn l-other expenses, jekk hux minnu li f’dawn hemm inkluzi consultancy fees ta’ €7 miljun? u għand min marru?.
  • Għandhom kredituri li jlaħħqu iktar minn €43 miljun u l-Gvern għandu jitlob u jingħata stampa ċara liema kumpaniji Maltin jistgħu jingidmu, hemm ukoll imniżżel contract asset value ta’ kwazi €12 miljun. Fejn sar dan l-investiment?
  • Jekk il-Gvern jistax jispjega fejn huwa jew x’inhuwa l-contract asset ta’ €11.8 million?.
  • Fis-sena 2017, Vitals għamlu telf ta’ iktar minn €18 miljun u f’dik is-sena, l-Gvern b’għaġla kbira fl-aħħar seduta tal-Parlament għadda mozzjoni biex jagħti €17 miljun oħra lil Vitals.

Adrian Delia qal li kieku l-flus li ngħataw lill-kumpaniji Vitals u Steward issarrfu f’investiment kieku l-isptarijiet jinsabu attrezzati għal kull eventwalità. 

Rigward il-coronavirus Delia qal li l-Oppożizzjoni appellat għall-kalma u biex il-poplu jsegwi l-istuzzjonijiet. Żied li mhux vera dak li qal l-Prim Ministru li hawn min qed jipprova jieħu vantaġġ politiku minn din is-sitwazzjoni. Appella biex il-Gvern għandu jkun jioffoka fuq kif il-Gżejjer Maltin għandhom ikunu ppreparati bl-aqwa mod possibbli.