Skont Kate: Waqt il-magħmudija George kien tifel bil-għaqal

“Waqt iċ-ċerimonja tal-magħmudija George kien tifel bil-għaqal”. 

B’dawn il-kliem, id-Dukessa ta’ Cambridge, uriet kemm hi kburija bil-Prinċep George, li waqt il-magħmudija deher kalm u qatt ma beka.

Waqt attività b’risq il-karità, Kate Middleton kellha bilfors titkellem dwar il-magħmudija tat-tifel, hekk kif il-mistiedna kienu wisq kurjużi jkunu jafu x’ġara eżatti nhar l-Erbgħa li għadda, meta tgħammed iċ-ċkejken George.

Id-Duki ta’ Cambridge marru kontra kull tradizzjoni għaliex William u Kate ddeċidew li l-parrini jkunu sitt iħbieb tagħhom. 

Il-magħmudija tal-Prinċep George Alexander Louis se tibqa’ mfakkra għaliex għall-ewwel darba f’100 sena f’ritratt kien hemm preżenti l-erba’ ġenerazzjonijiet tal-familja rjali: ir-Reġina Eliżabetta, il-Prinċep Karlu, William u ċ-ċkejken George.