​Skont il-PN l-ebda oġġezzjoni għal vot miftuħ

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mibgħuta lil Newsbook.com.mt bħala dritt ta’ risposta, sostna illi “ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni dwar il-vot miftuħ favur il-co-option ta’ Adrian Delia bħala deputat parlamentari”.  
Għall-kuntrarju, is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt reġgħu sostnew illi qabel sar il-vot, kien hemm min talab illi tiġi osservata d-drawwa li f’każi bħal dawn jittieħed vot sigriet. Wara li Newsbook.com.mt ippubblika l-istorja kien hemm membri oħra tal-eżekuttiv tal-PN li wrew id-diżappunt tagħhom għal kif tmexxew l-affarijiet.
Fl-istess stqarrija mibgħuta bi tweġiba għar-rapport ta’ Newsbook.com.mt – li l-Eżekuttiv tal-PN ma vvutax b’mod sigriet dwar il-co-option ta’ Delia fil-Parlament – ikkonfermaw illi ma kienx hemm vot sigriet biex Dr Adrian Delia ġie co-opted għall-post parlamentrari ċedut minn Dr Peter Micallef ,wara li dan rebaħ il-post li ċeda Jean Pierre Debono.
Il-kumment kollu tal-PN huwa li ġej:
Ma kien hemm ebda oġġezzjoni dwar il-vot miftuħ favur il-co-option ta’ Adrian Delia bħala Deputat Parlamentari
Kuntrarjament għal dak allegat fl-istorja ta’ Newsbook.com.mt bit-titlu ‘L-Eżekuttiv tal-PN ma vvutax b’mod sigriet dwar il-co-option ta’ Delia fil-Parlament’, ħadd mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv ma oġġezzjona jew ikkontesta l-vot miftuħ dwar il-co-option ta’ Adrian Delia bħala Deputat Parlamentari. Matul il-laqgħa saret talba waħda: dik favur vot miftuħ. Ma kien hemm ebda talba oħra għal vot sigriet. Il-Kumitat Eżekuttiv kien lest għal kull tip ta’ vot mitlub – kemm dak miftuħ kif ukoll dak sigriet, u għalhekk, l-impressjoni li pruvat tingħata mill-artiklu ta’ Newsbook.com.mt hi ferm ‘il bogħod mill-verità.