Awdjo: Skola Sajf se tiftaħ qalb fjask sħiħ – Kevin Bonello

Jumejn biss qabel il-ftuħ ta’ Skola Sajf nhar it-Tnejn li ġej, l-iskejjel għadhom mhux attrezzati biex jilqgħu it-tfal.
Skont il-Unjin tal-Għalliema (MUT), is-sitwazzjoni għadha waħda “diżastruża” hekk kif hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema.
L-MUT qed tavża saħansitra lill-ġenituri sabiex jekk imorru f'dawn iċ-ċentri u jsibu li m'hemmx biżżejjed ħaddiema mat-tfal, ma jattendux.
F'kummenti lil Newsbook.com.mt, il-President tal-MUT Kevin Bonello, qal li hemm ċentri partikolari li fihom se jkunu qed jattendu mat-300 tifel u tifla iżda se jkun hemm biss ħaddiem wieħed.
Minbarra n-nuqqas ta’ ħaddiema, fost il-problemi li jissemmew mill-MUT, hemm nuqqas kbir ta’ ko-ordinament mil-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. L-MUT qalet li biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin, il-Ministeru tal-Edukazzjoni injora diversi twissijiet li sarulu dwar dan l-hekk imsejjaħ “fjask”.
Il-Kapijiet tal-Iskola ingħataw istruzzjonijiet sabiex iżommu l-bogħod milli “jkunu involuti f’dan il-kaos”.