Skolasajf: Il-UĦM b’laqgħa mas-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika

Read in English.

L-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) iffissat laqgħa mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u mas-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika sabiex tiddiskuti magħhom it-tħassib tagħha dwar il-ftuħ taċ-childcare centres u Skolasajf.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li għandha r-riservi tagħha dwar il-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri, peress li l-ħsieb ewlieni tagħha jibqa’ li jiġu evitati r-riskji, kemm għall-ħaddiema, kif ukoll għat-tfal, minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-ġimgħa d-dieħla għandha ssir il-laqgħa bejn il-UĦM, il-Ministeru u s-Sovritendenza. L-unjin qalet li wara l-laqgħa se tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni u tagħti direttivi lill-ħaddiema membri tagħha.

Il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ġie deċiż li dawn jinfetħu, issa li Malta qiegħda tieħu passi fil-perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex tegħleb il-pandemija tal-coronavirus. Illum Malta kellha t-tmien mewta ta’ pazjent li kellu l-coronavirus, madankollu ma nstabu l-ebda każijiet ġodda fl-aħħar 24 siegħa.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ukoll esprimiet it-tħassib tagħha fuq din il-kwistjoni, u l-istess għamlet il-UPE. Fil-Parlament, id-Deputat Clyde Puli staqsa jekk it-tfal humiex se jkollhom jilbsu maskra waqt li jkunu ġoċ-ċentri jew fi Skolasajf.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn