Skolasajf: Ħafna min-nuqqasijiet solvuti

Ħafna min-nuqqasijiet li wasslu biex Skolasajf u Klabb 3-16 jibdew bi tliet ijiem tard, issa huma solvuti.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal dan fil-Parlament hekk kif kien mitlub jaġġorna lill-Kamra dwar il-ftuħ ta’ dawn iż-żewġ servizzi wara l-problemi li kien hemm dan l-aħħar. Il-Ministru Bartolo qal li t-tħejjija għandha ssir f’waqtha, kif suppost u minn nies li jiġbdu l-attenzjoni fejn ikun hemm problemi minflok jaħbuhom.
Sostna għal darb’oħra li fix-xahrejn ta’ qabel kellhom jiftħu ż-żewġ servizzi, inkluż wara li l-union tal-għalliema kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru għal xi nuqqasijiet, l-informazzjoni mogħtija lill-Ministru kienet li ma kienx hemm problemi. Dan, madankollu, ħareġ li ma kienx veru “fit-tmiem il-ġimgħa qabel ma kellu jiftaħ”. Hu sar jaf li kien hemm nuqqas ta’ adulti biex iħaddmu ċ-ċentri, il-Ħadd waranofsinhar.
Qal li din is-sena hemm madwar 11,000 tifel u tifla jattendu dawn iċ-ċentri, ċifra li hi kważi daqs il-popolazzjoni ta’ studenti fl-iskejjel primarji kollha. Dan fisser diffikultajiet loġistiċi, spjega l-Ministru, iżda saħaq li dan ma kienx biżżejjed biex jiġġustifika “n-nuqqasijiet u t-tħejjija fqira”. Spjega wkoll li hemm ċentri li qed jilqgħu tfal li jeħtieġu attenzjoni individwali minn Learning Support Assistant.