Skola taż-żfin tibgħat il-kont tal-kera lill-Prim Ministru

Il-Prinċipal tal-iskola taż-żfin The Dance Workshop bagħtet ittra lill-Prim Ministru bil-kont tal-kera tagħha minn meta l-iskola kienet ordnata tagħlaq minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Din kienet waħda mir-reazzjonijiet li lbieraħ ħakmu l-midja soċjali wara li l-Prim Ministru Robert Abela qal li xi ħaġa li jrid jaħdem fuqha hija amnestija għal dawk li sejħilhom każi ġenwini li sfaw immultati għax kisru l-miżuri relatati mal-coronavirus.

Terese Stafrace qalet li fid-dawl li l-Prim Ministru lest li jaħfer u saħansitra jagħti rifużjoni tal-multi maħruġa fl-aħħar żmien minħabba l-kriżi, ħasset li għandha tibgħat il-kont tal-kera tal-iskola tagħha li intortament intalbet tagħlaq il-bibien tagħha fit-12 ta’ Marzu. Spjegat li l-kont, li jammonta għal €6,480 ikopri l-perjodu bejn it-12 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju.

L-ittra tkompli tispjega kif The Dance Workshop Ltd hija rreġistrata bħala Limited Liability Company ħallset it-taxxi kollha tagħha u kkreat opportunitajiet ta’ xogħol għal dawn l-aħħar 21 sena. Qalet li issa qed jaffaċċjaw il-possibilità li jkollhom jagħlqu l-bibien tal-iskola b’mod permanenti minħabba l-kriżi preżenti.

Il-Prinċipal sostniet li ladarba l-gvern jidher li għandu biżżejjed flus biex jagħti refużjoni ta’ multi maħruġa, mela ma għandux isib oġġezzjoni biex iħallas il-kont tal-kera tal-iskola. Spjegat li bħala persuna li tgħix skont il-liġi, hi tħallas il-kera għax dan huwa obbligu tagħha. Insistiet li dawk kollha li qalgħu multa matul dan il-perjodu kien għax kisru l-liġi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn