Skola tal-Mużika: L-applikazzjonijiet jagħlqu ħesrem; il-Ministeru jispjega

Wara li persuni lmentaw li l-perjodu taż-żmien li l-Iskola tal-Mużika tilqa’ l-applikazzjonijiet ingħalaq ħesrem, il-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega għaliex sar dan.

Fl-aħħar jiem, Newsbook.com.mt ġie infurmat li l-applikazzjonijiet għall-iskola għalqu dritt wara li nfetħu minkejja li kien hemm żmien stipulat meta l-iskola kellha tirċievi l-applikazzjonijiet. L-ilment kompla jgħid li l-iskola ħadmet fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel jingħata preferenza.

Dan ġie kkonfermat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni wara numru ta’ mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt fejn spjega li kien hemm xi applikazzjonijiet li ngħalqu wara li kien hemm għadd kbir ta’ persuni li applikaw minn kemm jista’ jospita l-kors. Il-kelliema spjegat li anke l-listi tal-istennija kienu mimlijin f’dawn iċ-ċirkustanzi. Qalet li din hija proċedura normali li tintuża dejjem meta jkun hemm kors li jkollu għadd kbir ta’ applikanti aktar mill-kapaċità.

Il-kelliema spjegat li l-applikazzjonijiet għall-korsijiet varji tal-iskola fetħu fit-12 ta’ Lulju u ngħalqu fit-2 ta’ Awwissu. Qalet li minkejja dan kien hemm korsijiet li l-applikazzjonijiet tagħhom baqgħu miftuħa sal-għeluq tal-perjodu stabbilit.

Meta mistoqsija kif waslu sabiex jieħdu d-deċiżjoni li jagħlqu l-ilqugħ ta’ applikazzjonijiet għal ċertu korsijiet, il-kelliema spjegat li d-deċiżjoni kienet waħda amministrattiva tal-iskola stess hekk kif l-amminsitrazzjoni trid tieħu ħsieb li hemm spazju u allokazzjoni ta’ għalliema li jridu jgħallmu t-tali suġġett.

L-iskola għadha mingħajr Kap tal-Iskola

Newsbook.com.mt ġie mgħarraf ukoll li l-iskola ilha mingħajr persuna li tmexxiha bħala Kap tal-Iskola għal sena sħiħa. Mistoqsija dwar dan, il-kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni spjegat li bħalissa għaddej proċess  sabiex toħroġ sejħa għal Amministratur taċ-Ċentru. Minkejja dan, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, li l-iskola tifforma parti minnu, flimkien ma’ uffiċjal assenjat għal dan il-għan, qed imexxu l-iskola.

Mistoqsija dwar jekk hemmx oġġetti ta’ kuljum bħal sapun u toilet paper li huma out-of-stock mill-iskola, il-kelliema sostniet li dan “assolutament mhux vera”.

X’imiss fl-iskeda tal-iskola?

Il-perjodu fejn l-applikanti jissejħu għall-prova ta’ qabel ma jidħlu fl-iskola huwa bejn l-24 u s-27 ta’ Settembru. Il-kelliema spjegat li wara dan fl-1 ta’ Ottubru jibdew il-lezzjonijiet tat-teorija u mit-2 jew it-3 ta’ Ottubru jibdew il-lezzjonijiet tal-prattika.