Filmat: Christoph Schwaiger
L-għalliema li jgħallmu l-Ingliż fl-iskola Clubclass fis-Swieqi qed jistrajkjaw dalgħodu mal-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE).
Fi stqarrija lbieraħ l-Unjin qalet li l-ġimgħa li għaddiet, l-għalliema ivvutaw favur strajk. Intqal li sa dakinhar ma kienux ġew deċiżi d-dettalji tal-istrajk iżda kellu jissejjaħ għal għada minħabba n-nuqqas ta’ rispett li kellhom minn sid l-iskola.

Aktar kmieni: Skola tal-Ingliż se tilqa’ lill-għalliema jipprotestaw bi frott u ilma
Clubclass, skola li tgħallem l-Ingliż, mistennija tilqa’ lill-għalliema li se jipprotestaw illum bi frott u ilma waqt li se jintramaw imwejjed u umbrellel mill-amministrazzjoni tal-istess skola.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-iskola stess wara li lbieraħ, l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) ħabbru li l-għalliema membri tagħhom f’din l-iskola se jipprotestaw.
Fl-istqarrija tal-iskola ġie spjegat li għalkemm il-UPE qalet li kien hemm silenzju fin-negozjati, l-amministrazzjoni tal-iskola pproponiet li ssir laqgħa fil-ġimgħa tal-20 ta’ Lulju. Ġie spjegat li bħalissa l-isforzi tal-management kien li jħejji l-iskola skond il-linji gwida tas-sigurtà u s-social distancing qabel il-ftuħ mill-ġdid imminenti biex terġa’ tibda tilqa’ l-ewwel studenti.
L-iskola saħqet biex l-għalliema jifhmu li l-prijorità bħalissa hija s-sostenibbiltà fit-tul tal-operat ta’ l-iskola, li ħadd mill-100 impjegat ma jitkeċċa u li l-istudenti jerġgħu jibdew jitgħallmu f’din l-iskola.
Clubclass elenkat ukoll miżuri li l-iskola ħadet favur l-għalliema:
- L-ebda impjgat ma tkeċċa fil-pandemija tal-COVID-19
- L-għalliema tħallsu b’mod sħiħ għas-sigħat kollha li għallmu matul Marzu u April, ‘il fuq mill-COVID Wage Supplement li kienu qed jingħataw.
- L-għalliema dejjem kienu kuntenti li kienu parti mit-tim ta’ Clubclass fil-fatt il-parti l-kbira tagħhom ilhom impjegati mal-kumpanija għal ħafna snin.
- Clubclass qed tinvesti b’mod kostanti fit-tim ta’ għalliema tagħha u tisponsorja l-attendenza tagħhom għal diversi programmi CPD (Continuous Professional Development) – u dan jinkludi il-Workshop Annwali tal-ELT.
- Bonus annwali lill-għalliema kollha, ‘il fuq minn dak li huma intitolati għalih legalment.
- Gym membership b’xejn.
- Ġie ffirmat Memorandum of Understanding mal-“Oxford Quality Programme” ta’ l-Università ta’ Oxford għat-tagħlim ta’ l-Ingliż bħala Lingwa Barranija. Jinkludi serje ta’ benefiċċji li l-għalliema tagħna se jkunu jistgħu igawdu, fosthom taħriġ tal-CPD b’xejn u serje ta’ webinars kif ukoll aċċess għar-riżorsi ġodda għall-għalliema u l-pjattaformi diġitali ta’ Oxford.
- L-għalliema dejjem ibbenefikaw mill-leave u s-sick leave li huma intitolati għalihom kif ukoll għal benefiċċji oħra li jingħataw lill-għalliema f’proporzjon mas-siegħat li jgħallmu.
Aħdmu flimkien – FELTOM
Fi stqarrija l-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża (FELTOM) qalet li kellha l-opportunità li tikkomunika mal-unjin biex tassisti biex ssir laqgħa mal-Clubclass. Il-Clubclass ipproponiet laqgħa għall-20 ta’ Lulju. Il-UPE ħasset li dan kien tard wisq.
Il-FELTOM qalet li l-għalliema għandom ikunu waħda mill-prijoritajiet prinċipali. Qalet ukoll li flimkien mal-Kunsill tal-ELT irnexxielha ġġib l-assistenza tal-Gvern għall-għalliema tal-ELT.
Il-FELTOM ħeġġet lill-għalliema, lill-UPE, u lill-Clubclass biex jaħdmu flimkien.