Skola tagħlaq il-playground flok teħel multa ta’ €10,000!

Skola primarja fl-Olanda ġiet imġiegħla tagħlaq parti mill-playground tagħha għax il-ġirien tagħhom qed igorru li t-tfal qed jagħmlu wisq storbju meta jilagħbu. L-iskola, id-De Buut Primary fil-belt ta’ Nijmegen, kienet ordnata biex tiqaf tħalli lit-tfal jilagħbu fil-grawnd tal-futbol sa l-aħħar tax-xahar inkella jħabbtu wiċċhom ma’ piena li tlaħħaq mal-€10,000.

Il-kunsill lokali tal-belt waslulu lmenti minn għadd ta’ nies li joqogħdu fi blokka ta’ appartamenti li jinsabu faċċata tal-iskola. Fl-Olanda il-limitu ta’ kemm aċċettat l-istorbu jasal sas-70 decibel. Imma l-kunsill sab li l-ħsejjes mit-tfal kienu jlaħħqu 18-il decibel aktar milli suppost.

Iżda kien hemm 4,000 ruħ li ffirmaw petizzjoni biex dan il-grawnd ma jingħalaqx għax kien ilu jintuża mit-tfal għal aktar minn 40 sena. Dawn sostnew li l-grawnd hu l-uniku post fl-inħawi fejn dawn jistgħu jilagħbu, jeżerċitaw irwieħhom u jitgħallmu.

Kelliem għall-Fondazzjoni Olandiża dwar il-Ħsejjes sostna li hu vera li t-tfal jagħmlu l-istorbju waqt il-logħob. Imma wara kollox, għaliex għandhom jaħtu t-tfal meta t-tort hu ta’ min ta l-permess għall-bini tal-blokka tal-appartamenti.

“L-iskola kienet hawn l-ewwel,” qal. “U anki l-grawnd. Għalhekk il-belt għamlet l-iżball.”