Skola sekondarja tiftaħ online bħala prekawzjoni

Read in English.

Lura mill-vaganzi, l-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri f’Għawdex se tiftaħ online għall-istudenti kollha, sabiex jilħaq jgħaddi ż-żmien fl-eventwalità ta’ xi każ pożittiv ta’ Covid-19. B’hekk l-ewwel jumejn mill-ftuħ, jiġifieri l-Ħamis 7 u l-Ġimgħa 8 ta’ Jannar, il-lezzjonijiet kollha se jsiru online.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, is-Surmast tal-iskola, Fr Noel Saliba saħaq li jekk ikun hemm xi periklu tal-Covid-19 sas-Sibt 9 ta’ Jannar, l-Iskola se tavża lill-istudenti dwar iktar ġranet b’lezzjonijiet online.

Jekk jirriżulta li m’hemmx periklu tal-Covid-19, l-istudenti kollha jirritornaw l-iskola u jkollhom il-lezzjonijiet normali fil-klassi minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar.

Nhar il-Ħamis li ġej l-għalliema u l-LSEs se jgħallmu online mill-iskola filwaqt li l-istudenti joqogħdu d-dar. Is-surmast saħaq li b’dan il-mod ikunu taw ċans ta’ ġimgħa minn wara l-festi tal-ewwel tas-sena. Hu qal li minkejja d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa xi wħud xorta abbużaw u ltaqgħu.

Hu kompla jgħid li jekk ikun hemm xi ħadd li seta’ kellu l-Covid-19, jilħqu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha u jiġi evitat kull periklu għall-oħrajn.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern Ingliż ikkonferma li l-iskejjel primarji f’Londra se jibqgħu magħluqin fil-bidu tas-sena l-ġdida.