Skola Rabat Għawdex: Irtirat tender għal xogħol preparatorju; joħroġ ieħor

FTS

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkonferma li għalkemm ġie irtirat tender li għandu x’jaqsam ma’ xogħol preparatorju għall-bini tal-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex, ħareġ tender ieħor fid-dawl ta’ informazzjoni teknika ġdida li nġabret.

Din l-informazzjoni ħarġet wara li l-MP tal-Partit Nazzjonalista Chris Said għamel mistoqisjiet parlamentari dwar is-suġġett.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li waqt li kienet miftuħa t-tender għal xoghol ta’ skavar u piling fis-sit fejn se tkun qed tinbena l-iskola primarja ġdida tar-Rabat Għawdex, waslu għand il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada l-ewwel riżultati tat-testijiet li saru fuq il-blat li hemm taħt dan is-sit.

“Dawn urew li dan il-blat hu aktar stabbli u b’saħħtu minn kif kien maħsub fil-bidu – u bis-saħħa ta’ hekk naqas l-ammont ta’ xogħol, naqas il-prezz ta’ dan ix-xogħol, u naqas ukoll iż-żmien meħtieġ biex dan ix-xogħol isir,” qal Bartolo.

Piles huma strutturi li jistgħu jkunu magħmulin mill-concrete li jitpoġġew ġol-art biex isaħħu binja.

Bartolo żied jgħid li ġie deċiż li s-sejħa għal tenders tinġibed lura u titfassal sejħa ġdida (CT2179/2019) bbażata fuq iċ-ċirkostanzi ġodda.

Fi kliem Bartolo, meta sejħa għal tenders tiġi rtirata, hemm sett sħiħ ta’ proċeduri u regolamenti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti li jridu jiġu segwiti. Skont il-Ministru dan ġara wkoll fil-każ ta’ dan it-tender (CT2134/2019).

F’April tal-2019, Said kien staqsa lil Bartolo għalfejn ħarġet tender biex isir xogħol ta‘ skavar u piles fiż-żona fejn mistennija tinbena l-iskola. Said qal li dan sar minkejja li kienu għadu ma ħariġx il-permess għall-applikazzjoni ġdida tal-bini tal-iskola. Bartolo qal li dan sar għal raġunijiet ta‘ saħħa u sigurtà biex jingħata bidu għall-bini tal-iskola.

F’Mejju tal-2019, Said imbagħad staqsa għalfejn dan it-tender tneħħa minn fuq is-sit tal-Gvern. Bartolo mbagħad ta l-ispjegazzjoni tiegħu dwar l-informazzjoni teknika ġdida li nġabret.

X’nafu s’issa dwar l-iskola?

L-iskola mistennija tiftaħ f’Settembru tal-2019, sentejn tard mid-data oriġinali. F’Settembru tal-2018, Newsbook.com.mt kien ippubblika ritratti ta’ kif se tkun qed tidher l-iskola.

Skont Evarist Bartolo, l-iskola għandha tilqa’ 500 student.

Il-Unjin tal-Għalliema (MUT) kienet qalet li l-pjanijiet li ssottomettiet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) lill-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed jipproponu bini ta’ skola Primarja ġdida iżda li jestendu l-binja eżistenti tal-Middle School.

F’Marzu tal-2019, ġenituri tal-istudenti tal-iskola li hemm bħalissa bdew petizzjoni biex l-awtoritajiet jieqfu jipposponu l-bini ta’ skola ġdida għal uliedhom. Dan minħabba li s-sit eżistenti mhux adattat għall-400 tifel u tifla jattendu f’din l-iskola u għal aktar minn 60 għalliem u ħaddiem ieħor jaħdmu hawn.