Skola Nisranija tniedi ħames proġetti kbar

Brother Jorge Gallardo jispjega l-proġetti tal-Brothers De La Salle

Fis-sena meta qed jiċċelebraw it-300 anniversarju mill-mewt tal-fundatur tagħhom San Ġwann Battista de La Salle, il-Brothers tal-kongregazzjoni li waqqaf, ippreżentaw  ħames proġetti ta’ skejjel ġodda għal dawk li jgħixu fuq fruntieri ġeografiċi u kulturali biex jaqdu l-missjoni li jkunu qrib il-fqar u l-emarġinati.

“Madwar id-dinja, il-Brothers ta’ De La Salle għandna miljun student minn diversi reliġjonijiet, gruppi etniċi u ħafna kulturi”, qal Brother Jorge Gallardo, Vigarju Ġenerali tal-Ordni. Hu qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES li “30% tal-istudenti qegħdin fl-universitajiet li minnhom hemm 100 mxerdin fid-dinja. Żied jgħid li l-Kongregazzjoni, kif talab il-Papa Franġisku, trid tkun qrib il-foqra u dawk li huma f’sitwazzjonijiet diffiċli.

Skola f’kull kontinent

Jorge qal li għalhekk kien deċiż li flimkien ma kongregazzjonijiet reliġjużi oħra jwettqu proġett ta’ skola f’kull wieħed mill-ħames kontinenti.

  • L-ewwel proġett se jkun fl-Asja fuq il-fruntiera bejn Myanmar u t-Tajlandja, fejn infetħet skola għat-tfal ta’ refuġjati jew dawk li qed ifittxu mpjieg;
  • Il-proġett fl-Afrika sar fis-Sudan t’Isfel fejn infetħet skola f’Rumbek. Hawnhekk f’kollaborazzjoni mas-Sorijiet ta’ Loreto nfetħet skola għas-subien;
  • Proġett ieħor hu dak ta’ ċentru edukattiv għall-emigranti kollha fuq il-fruntieri tal-Peru, il-Colombia u l-Brazil li qed jinbena f’Tabatinga, fl-Amazonia;
  • Ir-raba’ proġett, dak tal-Ewropa qed issir fl-inħawi diffiċli ta’ Molembeek fi Brussels li dalwaqt se jinfetaħ ċentru edukattiv għall-emigranti. Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-parroċċa tal-lokal;
  • Il-ħames proġett li dalwaqt jitlesta qed isir fl-Amerika, fejn se tinfetaħ skola għat-tfal li qed jgħixu fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti.

Edukazzjoni Krisjana u Umana

L-iskop wara dawn il-proġetti li tkun assigurata edukazzjoni umana u kristjana fit-tradizzjoni ta’ San Ġwann Battista De La Salle. “Aħna rridu nesprimu l-fidi tagħna permezz ta’ azzjonijiet konkreti favor dawk l-aktar fil-bżonn u nagħtu servizz liż-żgħażagħ”, kompla jgħid il-Vigarju tal-Kongregazzjoni.

It-tema ċentrali taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru biex ifakkru lil San Ġwann Battista De La Salle hi: “Qalb, Impenn, Ħajja”. F’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed jieħdu sehem madwar 3,700 Brother, madwar 90,000 edukatur u kollaboraturi lajċi li jaħdmu f’aktar minn 1,000 ċentru edukattiv imferrxa fi 80 pajjiż differenti li għandhom tgħaqqadhom ir-regola u l-kariżma ta’ dan is-saċerdot u edukatur Franċiż li miet fis-7 ta’ April 1719.