Skola titma’ lill-foqra mill-ġnien

Imgħaref tal-Fidda: meħtieġa għall-ikel tas-soppa minn kcejjen pubbliċi

Il-Kulleġġ Xjentifiku tal-iskola Kattolika ta’ San Girgor fit-Tramuntana ta’ Londra jilqa’ fih madwar 1,000 student bejn il-11 u t-18-il sena li ħafna minnhom jagħmlu volontarjat fil-qasam soċjali u ambjentali. Fost is-suġġetti mgħallma hemm dak tal-ortikultura li matul is-sena li għaddiet l-istudenti użaw biex joffru ikel lil dawk bla dar.

Matul ix-xhur tas-sajf l-istudenti żergħu żerriegħa tal-qara aħmar, ikkultivawhom u f’Ottubru ġabru l-frott tagħhom. Imbagħad użaw dawn il-prodotti flimkien ma’ xi ħwawar oħra mill-ġnien tal-iskola biex jagħmlu s-soppa.  Is-soppa mbagħad intbagħtet fl-Eailing Abbey Soup Kitchen li hemm f’Londra – li hi inizjattiva ekumenika favur in-nies bla dar li jgħixu f’Londra.

Is-soppa li ntbagħtet minn din l-iskola kienet biżżejjed biex ikunu mitmugħa 150 persuna. “Inħossni kburi bl-istudenti tagħna li qasmu l-frott tal-ħidma tagħhom ma’ dawk fil-bżonn”, qal Andrew Prindville, il-Kap tal-Iskola.

L-istudenti tal-iskola San Girgor dan l-aħħar kienu nvoluti wkoll fi proġetti ambjentali fosthom billi naddfu Woodcock Park li tinsab qrib l-iskola. Fil-park kien hemm problema fil-kanali li minnhom jgħaddi l-ilma għax in-nies tal-inħawi kienu jwaddbu l-iskart minn madwar 150 dar, f’dawn il-kanali tal-ilma.

Id-Dipartiment tal-Ilma u l-organizzazzjoni Friends of Woodcock Park, li ħadmu mal-istudenti fuq dan il-proġett kien ilhom ineħħu ilma maħmuġ mill-park għal ħames snin. L-istudenti rċivew b’kemm jiswew $1,300 fi fjuri u arbuxelli li żergħu u taw ħajja ġdida lil dan il-park.

Il-Kulleġġ San Girgor din is-sena rebaħ il-Premju tas-Soċjetà tal-Ortikultura kif ukoll ingħata l-Bandiera l-Ħadra għall-impenn tiegħu favur l-ambjent liema suġġett hu parti mill-kurrikulu .