Skola f’Għawdex tinbidel f’mużew

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar tat permess biex il-Liċeo tas-Subien f’Għawdex jinbidel f’mużew u ċentru kulturali. Dan il-liċeo jinstab fit-triq prinċipali li twassal għaċ-ċentru tar-Rabat.
Il-mużew, li għandu jingħata l-isem ta’ ‘Il-Mużew t’Għawdex’, ħa jġib flimkien diversi kollezzjonijiet storiċi li bħalissa qegħdin f’diversi mużewijiet żgħar fiċ-Ċittadella.
Il-mużew se jkollu artefatti mill-qasam tal-istorja naturali, arkeoloġija, folklor, arti u etnografija, flimkien ma’ arti viżiva.
Se jkun hemm ukoll spazju għal wirjiet temporanji kif ukoll għal uffiċini ta’ Heritage Malta. Ħanut tal-mużew, kafeterija, u spazju għall-konferenzi huma wkoll parti mill-proġett.