Skola f’Georgia titlob permess biex issawwat it-tfal

Skola fl-istat Amerikan ta’ Georgia qed tistaqsi lill-ġenituri jagħtu permess biex it-tfal tagħhom jingħataw swat permezz ta’ injama, bħala kastig. L-iskola tal-Innovazzjoni u l-Klassiċi ta’ Georgia bagħtet ittra lill-ġenituri biex titlob permess tagħti swat lit-tfal wara t-tielet każ ta’ nuqqas ta’ mġiba tajba.

L-istudenti li ma ġewx awtorizzati jingħataw is-swat bl-injama se jiffaċċjaw ir-riskju li jiġu sospiżi mill-iskola. Georgia hu fost 19 il-stat Amerikan li jippermettu l-kastig korporali, fosthom is-swat fl-iskejjel. Is-Supretendent tal-iskola qal li fl-iskola jieħdu b’serjetà id-dixxiplina tat-tfal. Spjega li kien hemm żmien fejn dawn it-tip ta’ kastigi kienu n-norma fl-iskejjel u ma kienx hemm il-problemi li jeżistu llum.

Qal li s-swat se jkun parti mill-għodda tad-dixxiplina tal-iskola u ma jfissirx li se tintuża spiss. Il-kastig korporali jiġi deskritt bħala l-użu tal-forza fiżika moderata jew kuntatt biex jiġu infurzati r-regoli u d-dixxiplina fuq l-istudenti.

F’nota lill-ġenituri, l-iskola spjegat li t-tfal jittieħdu weħidhom f’kamra, ipoġġi jdejhom fuq irkuptejhom jew ma’ biċċa għamara, u amministratur fl-iskola jagħti sa tliet daqqiet bil-biċċa injama fuq il-warrani tat-tfal. L-etajiet tat-tfal huma bejn il-ħames snin u l-ħmistax il-sena. Sa issa terz tal-ġenituri iffirmaw il-formola biex jagħtu l-permess li tintuża din is-sistema ma’ uliedhom. Dawk li ma tawx awtorizzazzjoni jistgħu jaraw lit-tfal jirċievu sospensjoni ta’ ħamest ijiem mill-iskola, f’każ ta’ nuqqas ta’ imġiba tajba.