Skjavitu moderna fl-ibħra u l-oċeani

Isolament, abbandun u traffikar. Dawn huma xi ftit mill-problemi li llum jiffaċċjaw l-aktar milll-1.5 miljun baħħar u sajjieda madwar id-dinja li bejniethom huma responsabbli għal 90% tan-negozju globali u jipprovdu madwar 110 tunellatta ta’ ikel tal-baħar madwar id-dinja.

Il-baħħara u s-sajjieda huma persuni vulnerabbli ħafna. Ħajjithom ma tidhirx għax hi ‘l bogħod mill-għajn, f’nofs l-inħra u allura faċilment jaqgħu vittmi ta’ min irid jesplojtjahom u jabbużahom.

Hu biss l-Appostolat tal-Baħar, imwaqqaf fi Glasgow l-Iskozja fl-1920 li jipprovdi għajnuna prattika u pastorali lil dawn il-baħħara f’mijiet ta’ portijiet madwar id-dinja, fosthom Malta. Hu stmat li madwar terz tal-baħħara u s-sajjieda huma kattoliċi.

Il-bieraħ, il-Knisja Kattolika ċċelebrat Jum il-Baħar biex tiġbed l-attenzjoni fuq dawk li qed jaħdmu fuq l-ibħra u l-oċeani. L-Appostolat tal-Baħħara u l-Grupp Santa Marta din is-sena qed jiffukkaw li jiġġieldu t-traffikar uman u l-iskjavitu moderna fl-industrja marittima.

F’dawn il-jiem, il-Kardinal Vincent Nicholas ta’ Westminster li hu wkoll il-President tal-Grupp Santa Marta mar fuq bastiment li kien jinsab f’tarzna l-Ingilterra biex jiġbed l-attenzjoni dwar din il-problema u qal li hemm każi ta’ baħħara u sajjieda li jinsabu priġunieri fuq il-vapuri, ma jitħallsux il-pagi u huma vittmi ta’ forma ta’ skjavitu moderna.