Skiet perfett mill-Gvern għall-akkużi ta’ Gafà

Kważi 20 siegħa wara li Neville Gafà kixef li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien talbu jikkordina l-push back ta’ immigranti lejn il-Libja, il-Gvern Malti għadu ma weġibx għall-istess akkużi. L-istorja xxandret b’mod esklussiv minn Newsbook.com.mt.

Gafà ma semmiex min kellmu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru iżda Newsbook.com.mt huwa infurmat li Gafà ta isem meta xehed bil-ġurament quddiem l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud.  

Sa Jannar li għadda Neville Gafà, li kien impjegat bħala ‘persuna ta’ fiduċja mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru’, ammetta li huwa kkordina l-push back ta’ 51 immigrant f’dik li hija msejħa t-Traġedja tal-għada tal-Għid. Ix-xhieda ngħatat waqt l-inkjesta li saret wara talba mill-NGO  Repubblika.

Abela jwieġeb lill-Maġistrat?

Il-Prim Ministru Robert Abela kien għadu fl-uffiċċju f’Kastilja meta ħarġet l-istorja. Il-fatt li ma saritx ċaħda immedjata jitqies min uħud bħala ħaġa li żżid il-kredibbiltà ta’ dak li qal Gafà.

Il-Prim Ministru huwa mistenni li jagħti x-xhieda tiegħu quddiem l-inkjesta u allura jista’ jkun li Abela se jħalli t-tweġibiet tiegħu għal quddiem il-Maġistrat.  Gafà mhux xi favorit tal-Prim Ministru li kif kien ħa l-ħatra ddeċieda li ma jġeddidlux il-kuntratt li kellu mal-Gvern.

Gafà qal ukoll lil Newsbook.com.mt li għall-aħħar tliet snin huwa kien jikkordina, taħt id-direzzjoni tal-Prim Ministru Muscat, programm maqbul bejn il-Libja u Malta, ħalli immigranti ma jiġux Malta. Quddiem l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Gafà kien qal li grazzi għax-xogħol tiegħu ġiet evitata kriżi nazzjonali f’Malta.

Mill-banda l-oħra l-Prim Ministru Robert Abela qal fil-Parlament li l-ftehim bejn Malta u l-Libja li semma Gafà qatt ma eżista.

Pushbacks mhux diskussi fil-Parlament

Is-silenzju tal-Gvern kien imġiegħel jiksru l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri. Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri ekonomiċi meħuda biex jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq l-ekonomija, il-ġurnalisti staqsew lil Schembri dwar l-akkużi ta’ Gafà.

Il-Ministru ma ċaħadx li qal Gafà iżda semma biss li fil-Kabinett qatt ma tkellmu dwar push backs.