Skerz tal-burokrazija jħalli 105 migrant bejn sema u ilma

Dingi b’105 immigranti f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna tħalliet fil-baħar wara skerz ta’ burokrazija żejda bejn awtoritajiet differenti.
L-immigranti telqu bid-dingi mil-Libja, meta d-dgħajsa li kienu fiha ġiet salvata mill-bastiment Astral tal-għaqda mhux governattiva Proactiva Open Arms.
Il-bastimenti ta’ din l-għaqda ta’ spiss ibaħħru ’l barra mill-kosta Libjana sabiex isalvaw immigranti li jaħarbu minn hemm għall-Ewropa.
Kien ilbieraħ xħin irċevew ordni biex isalvaw dingi mingħajr magna, li fuqu kellu 105 persuni, fosthom sitt nisa u sitt itfal, l-iżgħar ta’ sentejn u 4 xhur.
Normalment il-bastiment Astral jaħdem mal-awtoritajiet Taljani, li jittrasferixxi l-migranti li jsalva għal bastiment ieħor sabiex dawn jittieħdu fl-eqreb port sigur, anki skont liġijiet internazzjonali.
Madankollu did-darba l-proċedura ma mxietx kif sippost. Il-Libjani qalu li għandhom id-dritt li jintervjenu, anki minħabba ftehim li għandhom mat-Taljani, iżda l-bastiment Astral ma jridx jagħtihom lura lill-immigranti, għax jemmen li sejrin lura f’post agħar.
Min-naħa tagħhom, il-Libjani ma jridux jikkoperaw mal-għaqdiet mhux governattivi.
L-awtoritajiet Taljani qalu lill-bastiment Astral li jew il-Libjani jew min hu mmarkat fil-bandiera li jtajjar il-bastiment iridu jieħdu ħsiebhom, jiġifieri r-Renju Unit.
Madankollu jidher li l-awtoritajiet Brittaniċi qatt ma sabu ruħhom f’dis-sitwazzjoni, iżda bagħtu bastiment ieħor, Aquarius, biex jiġbor lill-immigranti.
Iżda xħin kollox kien lest biex jiġi trasferiti għal fuqu, l-Aquarius talab biex konferma formali biex ikun jista’ jgħabbihom, sabiex jevita li jiġi akkużat li qed jittraffika lin-nies, kif ġara f’kazijiet oħra.
Meta r-Renju Unit intalab jagħmel hekk, wieġeb biex jistennew ftit, u wara qal li qed jaħdem fuq il-każ.
Sadanittant, iż-żewġ bastimenti qagħdu qrib xulxin jippruvaw jieħdu ġsieb kif jistgħu lill-immigranti fid-dingi. It-tabib tal-NGO qal li l-kundizzjoni ta’ saħħet il-migranti hi ħażina, speċjalment minħabba n-nuqqas t’iġjene.
Abbord l-Astral hemm id-deputat Riccardo Magi mill-Partit tar-Radikali Taljani, li qed isegwi l-istorja biex jiftaħ għajnejn l-awtoritajiet Taljani u Ewropej.