Filmat: Skemi ġodda għall-teleworking minn Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda żewġ skemi ġodda bħala parti mill-Gozo Teleworking Scheme għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fis-settur privat f’Malta.

Minn din l-iskema, se jkunu qed jibbenefikaw finanzjarjament kumpaniji bbażati f’Malta li joffru lill-ħaddiema Għawdxin, residenti f’Għawdex il-faċilità ta’ teleworking, jiġifieri li jaħdmu mid-dar. Kull kumpanija tista’ tingħata benefiċċju sa massimu ta’ 10 ħaddiema fis-sena.

Il-fond se jkun qed jagħti inċentivi finanzjarji fuq żewġ skemi:

  • Rimborż parzjali ta’ 75% sa massimu ta’ €850 fuq spiża ta’ appart teknoloġiku għal kull impjegat
  • Rimborż tas-salarji sa massimu ta’ €10,000 fuq medda ta’ 3 snin, li jkunu offruti fuq bażi pro-rata skont l-ammont ta’ ġranet fil-ġimgħa li l-impjegat ikun assenjat telework

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li se nkunu qed inħarsu lejn is-sostenibbiltà ta’ din l-iskema b’mod sensittiv għaliex dawk il-kumpaniji li joffru l-faċilità  ta’ telework fit-tul ser ikollhom ir-rimborż annwali kif isegwi:

  • Fl-ewwel sena massimu ta’ €3,000
  • Fit-tieni sena massimu ta’ €3,000
  • Fit-tielet sena massimu ta’ €4,000

Il-Ministru Camilleri spjega li permezz ta’ din l-iskema se jkunu qed jittaffew l-ispejjeż tal-kumpanija, kif ukoll tingħata opportunità lill-ħaddiema Għawdxin biex jitnaqqsilhom l-iskariġġ li ta’ kuljum iridu jaqsmu l-fliegu.

Il-Ministru qal li din hija miżura soċjali hekk kif il-Gvern qed jinċentiva l-kunċetti ta’ work-life balance u family-friendly measures, filwaqt li fakkar kif b’hekk il-Ministeru għal Għawdex se jkun wettaq wegħda oħra tal-Gvern kif stabbilit fil-Manifest Elettorali 2017 u miżura tal-baġit għas-sena 2020.

Meta se jingħataw il-fondi?

Ir-rimborż tas-salarji jingħata wara l-ewwel sena ta’ ħidma bit-telework, filwaqt li r-rimborż parzjali fuq l-apparat tekniku jkun eliġibbli meta l-applikazzjoni tiġi milqugħa mill-ministeru skont il-linji gwida stabbiliti, li ser ikunu qed jidhru fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru Għal Għawdex fil-jiem li ġejjin.