Skema ta’ premjijiet għal riċerka fi ħdan il-programm Horizon 2020

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) ħabbar l-iskema Horizon 2020 Awards, li se tippremja benefiċjarji Maltin li pparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fi ħdan il-programm tal-Unjoni Ewropea Horizon 2020.

Horizon 2020 hu programm ta’ riċerka u innovazzjoni li bbenefika minn €80 biljun ta’ fondi Ewropej, bil-għan li jwassal għal proġetti li jgħinu t-tkabbir ekonomiku u li jintlaħqu għanijiet soċjali oħra.

Bl-iskema ta’ premjijiet, l-MCST jimmira li tirrikonoxxi u żżid l-għarfien ta’ proġetti t’eċċellenza li bbenefikaw il-komunità tar-riċerka xjentifika, dawk li jfasslu l-istrateġija fir-riċerka u s-soċjetà. Il-kunsill jixtieq ukoll li tiżdied il-parteċipazzjoni mill-entitatjiet Maltin fil-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni li jmiss tal-UE, il-Horizon Europe li se jitnieda fl-2021.

L-iskema se tirrikonoxxi l-kisbiet f’9 kategoriji differenti, bi tmienja mmirati għal entitajiet legali u oħra għal riċerkaturi individwali. Il-kategoriji tal-għoti huma l-Aħjar Impatt għas-Saħħa; Premju għall-Mobilità Intelliġenti; il-Premju Marittimu; il-Premju Ekoloġiku; il-Premju dwar il-Klima; Premju għall-Ġeneru, il-Kultura, l-Ugwaljanza jew ix-Xjenza taċ-Ċittadini; l-Aqwa Premju Innovattiv għall-Entrapriżi Żgħar; l-Aħjar Promozzjoni tal-Premju STEM; l-Aqwa Premju għall-Innovazzjoni Teknoloġika u l-Premju għall-Aktar Riċerkatur Attiv.

Għal kull kategorija, il-valur tal-premju hu ta’ €5,000.

Entitajiet legali rreġistrati f’Malta li huma benefiċjarji tal-programm Horizon 2020 huma eliġibbli għat-8 kategoriji mmirati lejhom Għall-premju tal-aktar riċerkatur attiv huma eliġibbli ir-riċerkaturi li kienu jew għadhom impjegati ma’ dawn l-entitajiet.

Applikazzjonijiet, li huma aċċessibli mis-sit http://mcst.gov.mt/mcst-news/horizon-2020-award-scheme, jistgħu jintbagħtu sa nofsinhar fis-16 ta’ Novembru, flimkien mar-riżultati tal-evalwazzjoni u/jew kopja tad-dettallji tal-kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea, fuq horizonawards@gov.mt.

Ir-rebbieħa tal-premjijiet mistenna jiġu mħabbra sal-aħħar tas-sena.