“Il-Kabinett japprova skema biex issir ġustizzja ma’ ħaddiema tal-Korpi fis-70ijiet”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Kabinett iddiskuta u approva skema biex issir ġustizzja ma’ ħaddiema tal-Korpi fis-sebgħinijiet.

Meta kien qed jitkellem fiż-Żejtun, il-Prim Ministru rrimarka kif fl-aħħar sentejn bdew jingħataw ħlasijiet lill-eluf ta’ ħaddiema, fosthom eks ħaddiema tax-xatt, eks ħaddiema tal-korpi u n-nies li kienu jaħdmu ma’ dirgħajn il-Maltin. Fisser kif meta sar hekk persuni oħra lmentaw bil-każ tagħhom u għalkemm legalment jista’ jkun m’għandhomx raġun,il-gvern iħoss li għandhom raġun morali.  Stqarr li fost dawn hemm nies kienu fil-korpi u marru mat-Telemalta u nies tal-gas board fost oħrajn.

AQRA: Muscat jindirizza attività politika fiż-Żejtun

Intant, fi stqarrija l-Gvern qal li biex jingħalaq dan il-kapitlu, il-Kabinett iddeċieda li għandu jsir ħlas ex gratia ta’ darba bbażat fuq is-snin ta’ servizz li l-eks ħaddiema damu fl-impjieg ma’ korporazzjonijiet u entitajiet oħra fis-settur pubbliku minn Jannar tal-1979 sa l-età tal-irtirar tagħhom jew terminazzjoni mis-settur pubbliku.

Il-ħlas ex gratia ta’ darba jġorr miegħu rabta li l-applikant jirrinunzja għal kull pretensjoni oħra marbuta mal-iskema u jwaqqaf u jirtira kull kawża jew kawżi magħmula kontra l-Gvern, awtorità jew entità oħra governattiva.

Din l-iskema tapplika għall-perjodu ta’ żmien li applikant ħadem fis-settur pubbliku matul il-perjodu li jibda mis-16 ta’ Jannar 1979,  sad-data meta l-applikant temm il-kariga tiegħu fis-settur pubbliku. Din tgħodd ukoll għall-eredi ta’ dawk l-individwi eliġibbli skont il-kundizzjonijiet tal-iskema u li jkunu mejta meta ssir is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-għotja taħt din l-iskema. Id-dettalji tal-iskema flimkien mas-sejħa għall-applikazzjonijiet se jkunu ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 24 ta’ Mejju 2019.

L-applikazzjonijiet iridu jsiru fuq formola apposta u jkunu akkumpanjati minn dokumenti li jsostnu l-applikazzjoni.  Id-data tal-għeluq tal-applikazzjoni se tkun is-26 ta’ Lulju 2019.

Dawk il-persuni li kienu fil-korpi u wara qalbu ma’ xi korporazzjoni jew entità pubblika u li kienu bagħtu applikazzjoni taħt skemi oħra li xxandru fil-Gazetta tal-Gvern tat-2 ta’ Mejju 2017 u/jew tas-17 ta’ April 2018 jridu japplikaw mill-ġdid biex l-applikazzjoni tagħhom tkun ikkunsidrata taħt l-iskema l-ġdida. L-ewwel pagamenti taħt din l-iskema se jsiru aktar tard din is-sena.