Skema ta’ kirjiet kummerċjali għal diversi lokalitajiet

Il-Gvern qed jaħdem fuq skema differenti li tkun tkopri kirjiet kummerċjali mhux biss għal propjetà fil-Belt Valletta imma f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Qal li filwaqt li x-xogħol ta’ preparazzjoni għaddej bħalissa, hu mhux f’pożizzjoni li jidentifika data sa meta din l-iskema se titħabbar għalkemm assigura lil kulħadd li l-iskema li qed titfassal se tkun waħda ħolistika. Qal li hemm diversi dettalji li wieħed irid jikkunsidra, fosthom dawk li jikkonċernaw kirjiet imma anke ċnus ta’ propjetà.
Il-mistoqsija oriġinali ta’ Azzopardi lill-Prim Ministru kienet dwar l-iskema ta’ kirjiet kummerċjali fil-Belt Valletta li taffettwa “diversi inkwilini ta’ ħwienet fil-Belt Valletta li kienu u għadhom jeħtieġu din l-iskema, li l-Gvern issospenda kważi sena ilu” u li dawn jeħtieġu “iċ-ċertezza tat-titolu fit-tul u b’hekk ikunu jistgħu jinvestu fil-ħanut tagħhom”.