Skema oħra biex traħħas il-kont tad-dawl

Il-Gvern se jniedi skema ġdida li permezz tagħha djar Maltin se jibdew jiffrankaw bejn 600 u 700 unit ta’ enerġija fis-sena.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija u l-Ġestjoni tal-Ilma Joe Mizzi spjega li din l-iskema tinvolvi sistema ġdida ta’ heat pumps li jistgħu jintużaw fid-djar privati minflok water heaters jew geysers.
Din is-sistema tikkonsma inqas elettriku, u tista’ tintuża minn persuni li m’għandhomx aċċess għall-bejt.
Il-Gvern se jibda joffri sussidju ta’ 40% fuq ix-xiri tal-apparat, sa massimu ta’ 400 ewro. B’hekk, filwaqt li familji Maltin igawdu minn tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl, il-pajjiż jimxi pass iktar viċin li jilħaq il-mira tiegħu li sal-2020, 10% tal-enerġija li tintuża tkun rinovabbli.
L-iskema se titnieda nhar it-Tnejn li ġej mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), li se jilqa’ u jipproċessa l-applikazzjonijiet.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut