Skema għall-pannelli fotovoltajċi b’xejn għall-NGOs

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia ħabbar il-ftuħ tat-tieni sejħa għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi għal għaqdiet volontarji bla ħlas. Din l-iskema tiftaħ illum.

Il-Ministru ħabbar dan waqt attività li matulha rappreżentanti ta’ 45 NGO ngħataw il-kuntratt ta’ installazzjoni ta’ madwar 800 pannella bla ħlas.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Volontarjat Clifton Grima qal li permezz ta’ dan il-proġett, dawn l-għaqdiet se jkollhom l-opportunità li jiffrankaw mill-kont tad-dawl tagħhom u fl-istess ħin jikkontribwixxu għal ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa. Stqarr li s-Segretarjat se jkun qed jorganizza sessjonijiet preparatorji għal dawk l-għaqdiet prospettivi li se jkunu mħeġġa jipparteċipaw fit-tieni sejħa għal aktar installazzjonijiet simili.

Is-sottomissjonijiet se jkunu evalwati skont l-eliġibilità mħabbra fl-istess sejħa u se jkunu qed jiġu allokati ’l fuq minn 1,000 pannella oħra fuq first-come-first-served basis.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li biex Malta tilħaq l-10% mira tad-domanda għall-enerġija minn sorsi rinovabbli sa tmiem din is-sena, qed jinvesti l-miljuni fi:

  • grants għal installazzjonijiet ta’ pannelli fotovoltajiċi
  • feed in tariffs lill-konsumaturi
  • solar farms madwar Malta,
  • bdil ta’ appliances għal apparat iktar effiċjenti lil familji vulnerabbli
  • għotjiet għal installazjonijiet ta’ heat pumps
  • skemi ta’ double glazing