Skema għal xiri ta’ tagħmir sportiv fid-djar

Fetħu l-applikazzjonijiet għal għotja fuq xiri ta’ tagħmir sportiv li jintuża fid-djar.

Din l-iskema, magħrufa bħala ‘Sports Equipment Scheme’, ġiet imnedija mis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, u qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi.

Stefan Buontempo qal li pajjiżna għandu bżonn soċjetà aktar attiva u b’saħħitha u għalhekk inħass il-bżonn li tiġi introdotta din l-iskema.

L-iskema hija miftuħa għal kulħadd, bil-għan li tħajjar aktar individwi jagħmlu attività fiżika, speċjalment dawk li ma jkunux jistgħu jattendu gyms jew klabbs.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jibdew jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn 12 ta’ Awwissu u min japplika se jkun jista’ jibbenefika minn għotja ta’ 15.25% tal-ammont mixtri, sa massimu ta’ €100.

Din l-iskema hija valida sal-31 ta’ Diċembru jew sakemm ikun intlaħaq l-ammont ta’ 1,000 applikazzjoni.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċċji tal-Kunsill Malti għall-Isport jew minn fuq is-sit elettroniku www.sportmalta.org.