Skema ġdida ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji b’fond ta’ €700,000

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli nediet skema ġdida ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji.
L-iskema msejħa Voluntary Organisations Projects b’finanzjament ta’ €700,000 kull sena se tipprovdi opportunità lill-NGOs biex jimplimentaw proġetti akbar fuq livell nazzjonali.
Il-Ministru Dalli fissret kif kull proġett se jkun allokat minimu ta’ €5,000 u massimu ta’ €25,000 f’każ fejn għaqda tkun issottomettiet applikazzjoni waħedha.
F’każijiet fejn l-applikazzjoni ssir b’mod konġunt minn żewġ għaqdiet jew aktar, l-allokazzjoni titla’ sa massimu ta’ €60,000. Il-fondi se jissarfu fi proġetti f’oqsma differenti fosthom proġetti soċjali, edukattivi, ambjentali, kulturali u sportivi.
Helena Dalli qassmet ukoll total ta’ €91,000 f’pagamenti finali lil 15-il għaqda volontarja b’risq proġetti li wettqu fl-2015.
Dawn il-fondi jikkonsistu fl-aħħar 10% ta’ dak li kien dovut lilhom.
L-għaqdiet li bbenefikaw huma Aditus, il-Moviment ta’ Kana, Dar Merħba Bik, Dar Osanna Pia, Fondazzjoni Nazareth, Dar Fra Diego, Fondazzjoni Inspire, Dar Jeanne Antide, MGRM, Malta Autism Centre, Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, Istitut Paulo Freire, Fondazzjoni Richmond, Istitut Kattoliku u SOS Malta.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott