Skema ġdida għall-eżebituri kollha tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar skema ġdida ta’ promozzjoni lill-eżebituri potenzjali kollha tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020. 

L-applikanti kollha tal-edizzjoni ta’ dis-sena se jkollhom iċ-ċans li japplikaw għal sussidju sħiħ tal-ispejjeż tal-istand tagħhom jekk jippreżentaw irċevuti li juru li jkunu investew fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom waqt il-Festival fil-mezzi tal-midja lokali. Is-sussidju jingħata biss jekk l-ammont minfuq fuq promozzjoni jkun daqs jew aktar mill-ispejjeż involuti fl-istand.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bħas-soltu Dar il-Mediterran, dis-sena bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru. L-applikazzjoni hija miftuħa għall-pubblikaturi, distributuri tal-kotba, ħwienet tal-kotba u aġenziji tal-kotba. Għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet pubbliċi li l-kamp tal-attività tagħhom jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ materjal letterarju jew il-promozzjoni tal-letteratura huma wkoll eliġibbli biex japplikaw.

Dawk kollha interessati jieħdu sehem huma mħeġġa biex japplikaw kmieni u jippreżentaw, flimkien mal-applikazzjoni tagħhom lista dettaljata ta’ attivitajiet li jixtiequ jinkludu fil-programm kulturali tal-Festival. Dawk l-applikazzjonijiet li jiddaħħlu kmieni jistgħu jingħataw preferenza fil-programm tal-attivitajiet.

Il-Formola tal-Applikazzjoni bir-regolamenti aġġornati għall-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 tista’ titniżżel minn hawnhekk. Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa t-termini u l-kundizzjonijiet qabel ma tapplika.

Filwaqt li t-tħejjijiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 issa qabdu r-ritmu sew, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb konxju li jista’ jkun hemm xi bidliet fil-pjanijiet jekk l-awtoritajiet jagħtu struzzjonijiet biex jiġu evitati folol pubbliċi. Segwi s-sit tagħna u l-paġna tal-Facebook sabiex tkun aġġornat xi jkun se jiġri.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar eliġibilità għall-parteċipazzjoni mitlub li tikteb lil Matthew Borg (matthew.borg@ktieb.org.mt) jew lil Andrew Ricca (andrew.ricca@ktieb.org.mt). 

L-applikazzjonijiet għandhom jimtlew sew u jinthemżu f’email lil Michael Mercieca (michael.mercieca@gov.mt) jew jintbagħtu bil-posta fl-indirizz li jidher hawn taħt, sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2020 f’nofsinhar (12pm).

IL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB 2020

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Librerija Pubblika Ċentrali

Triq Prof. Joseph J. Mangion

Il-Furjana, FRN 1800

MALTA

Din l-informazzjon wtasslet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.