Skejjel Taljani jagħlqu b’mod temporanju jekk student jirriżulta pożittiv

Read in English.

L-iskejjel fl-Italja se jagħlqu b’mod temporanju u jerġgħu jiftħu jekk student jirriżulta pożittiv wara li tibda s-sena skolastika fl-14 ta’ Settembru. Dan tħabbar nhar it-Tlieta mid-Deputat Ministru għas-Saħħa, Pierpaolo Sileri meta tkellem ma’ Sky Tg24.

“Jista’ jkun li l-iskejjel jagħlqu b’mod temporanju, imma mbagħad jerġgħu jiftħu,” qal Sileri. Kompla jgħid li “kulħadd” kien se jiġi ttestjat ladarba jkun hemm riżultat pożittiv għal xi test.

Fl-intervista tiegħu, Sileri qal li Franza tista’ tiżdied mal-lista tal-pajjiżi minn fejn passiġġieri li jirritornaw fil-pajjiż se jkollhom jagħmlu test għall-COVID. Hu kompla jgħid, “qed nistennew żieda fil-każijiet ta’ COVID, imma se jkollna nitgħallmu ngħixu b’din is-sitwazzjoni.”

Intant, l-għadd globali ta’ każijiet fl-Italja issa tela’ għal 254,636, hekk kif in-numru ta’ persuni fl-Italja infettati bil-coronavirus żdied b’403 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa, żieda ta’ 83 fuq l-għadd ta’ każijiet irrappurtati nhar it-Tnejn, skont rapport tal-Ministeru għas-Saħħa. Ir-reġjuni tal-Veneto u l-Lombardija kellhom l-ogħla numru ta’ każijiet, b’60 u 50 każ rispettivament.

L-għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom issa tela’ għal 35,405.