Skejjel se jirċievu fondi għall-proġetti tal-konservazzjoni tal-ilma

Għoxrin skola madwar Malta u Għawdex se jibbenefikaw minn fondi biex iwettqu proġetti edukattivi u innovattivi b’rabta mall-konservazzjoni tal-ilma.
Dawn il-fondi se jkunu qed jingħataw bħala parti mill-kampanja edukattiva Catch the Drop
Studenti minn dawn l-iskejjel attendew għal attività li saret fil-Belt Valletta.
Matul din l-attività, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta, Mark Watkinson flimkien ma’ Joseph Montebello, il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma ppreżentaw il-fondi lill-istudenti.
Din l-attività kienet parti minn serje ta’ attivitajiet li qed jorganizza bħalissa l-Ministeru għall-Enerġija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ilma li jiġi ċċelebrat fit-22 ta’ Marzu.
L-attivitajiet, li qed isiru taħt tinda quddiem il-Qorti, jinkludu diversi taħdidiet edukattivi u informattivi dwar l-użu sostenibbli tal-ilma.