Skejjel Maltin u Għawdxin iżuru l-Park tal-Majjistral b’xejn

F’għeluq 10 snin mill-ftuħ tiegħu, id-diriġenti tal-Park tal-Majjistral qed joffru li jkopru l-ispejjeż kollha taż-żjarat li skejjel Maltin u Għawdxin jorganizzaw għal dan il-park nazzjonali, inkluż it-trasport li jużaw.
Fi stqarrija, id-diriġenti qalu li f’dawn l-aħħar għaxar snin, in-numru ta’ studenti li żaru l-Park tal-Majjistral kompla jiżdied, u għalhekk din is-sena ħadu din id-deċiżjoni sabiex itaffu l-piż fininanzjarju kemm fuq l-iskejjel kif ukoll fuq il-ġenituri.
Iż-żjarat jibdew fid-9.30am, u minbarra li jgawdu s-sbuħija tal-park, l-istudenti jkunu jistgħu wkoll jaraw dokumentarju fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi.  
Skejjel li jixtiequ jgawdu minn din l-inizjattiva għandhom jċemplu lill-uffiċjal tal-edukazzjoni tal-Park fuq 21521291, jew jibgħatu ittra elettronika lil richard@majjistral.org.