Skejjel indipendenti jisħqu li hemm bżonn aktar miżuri kontra l-Covid-19

Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti (ISA) insistiet li l-awtoritajiet għandhom iħabbru miżuri aktar restrittivi biex jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19: skont l-assoċjazzjoni, hemm bżonnhom biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin.

Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet ukoll li l-pubbliku għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid-19 ħalli l-iskejjel ikunu jistgħu jibqgħu miftuħa.

l-ISA esprimiet sodisfazzjon li l-iskejjel li tirrapreżenta fetħu l-bibien – fiżikament u virtwalment – għall-istudenti tagħhom. Qalet li kemm l-istudenti u kemm l-edukaturi kuntenti li l-iskejjel reġgħu fetħu.

Innutat li numru ta’ skejjel indipendenti diġa rrapurtaw każijiet ta’ Covid-19, però emfasizzat li dawn ġew minn barra u li l-iskejjel irrispondew b’mod professjonali u effiċjenti. Però esprimiet tħassib fuq żieda inkwetanti fin-numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 dawn l-aħħar jiem.