Skeda ġdida fuq RTK 103FM, għal udjenzi akbar

Mill-ewwel ġimgħa ta’ Jannar, RTK 103FM nieda skeda ta’ programmi ġodda għas-semmiegħa leali tar-radju. Dawn jinkludu programmi li se jkomplu minn Settembru, kif ukoll programmi ġodda.  
L-'RTK Breakfast Club' ma’ Ron, ‘Ta’ Kulħadd’ ma’ Christine Delicata, ‘In the Mood’ ma' Albert Galdes, ‘Insellimlek’ ma’ Sonia Young, ikomplu b'iktar mużika u informazzjoni ta' interess. Il-programm Follow Up ikompli ma’ Sylvana Debono, mit-Tnejn sal-Ħamis, u l-Ġimgħa jilqa' lil Norman Vella u Desmond Zammit Marmara b'iktar diskussjoni fuq temi attwali.  Il-programm ‘Newsline’ ma’ Fr Joe Borg u Manuel Delia, jitkompla kull nhar ta' Sibt filgħodu fl-10 ta' filgħodu.
Kuljum fis-6.15pm, RTK 103FM jagħtikom programmi differenti. Grazzi għall-kollaborazzjoni ma' Campus FM, nhar ta’ Tnejn jixxandar ‘Mistici Nisa’, bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Dr Pauline Dimech, jitratta dwar nisa qaddisin li ħallew impatt fuq l-istorja tal-Knisja, filwaqt li nhar t’Erbgħa, fl-istess ħin, jixxandar il-programm ‘Vjolenza u Serq Legali’, minn Prof. Pirotta u Liam Gauci jiddiskutu l-istorja tal-kursara Maltin u l-Kavallieri, fis-sekli passati. 
It-Tlieta jirritorna ‘Dinja Ewropa’ ma’ Sergio Mallia fejn jagħtina ħarsa dwar il-ġrajjiet kurrenti mid-dinja Ewropea. Il-Ħamis fis-6:15pm jixxandar ‘Marmaduke’ ma’ Chris Pace, programm li jitratta suġġetti dwar il-ħarsien tal-annimali u l-ambjent, u l-Ġimgħa nitgħallmu iktar dwar il-Lingwa Maltija ma’ George Cassar u Prof. Charles Briffa, fil-programm ‘Mid-Dinja tal-Malti’. 
Stephen Deguara, għall-ewwel darba jippreżenta programm interessanti ferm dwar il-mużika fil-films, b'tema partikolari kull ġimgħa. Il-programm ‘Sibtrack’ jixxandar kull nhar ta’ Sibt fil-12:15pm, wara l-aħbarijiet. 
Is-Sibt u l-Ħadd, għall-ewwel darba fuq RTK 103FM se nisimgħu playlist ta’ diski b’mużika Kristjana moderna, bl-isem ‘Christian Light Music’.  
Bejn mużika, diskussjoni, talb u wens, l-iskeda tax-xitwa ta’ RTK 103FM se tkompli tilħaq udjenzi akbar u aktar wiesa fejn jidħlu programmi tar-radju għal matul il-ġurnata kollha. Jekk inti semmiegħ u għandek xi suġġerimenti x'tgħaddi, ibgħatilna imejl fuq info@newsbook.com.mt.