“Skattaw il-proċeduri ta’ sospensjoni ta’ Malta” – Giegold lill-UE

Read in English.

L-MEP Sven Giegold talab lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen sabiex b’mod immedjat tiskatta Artiklu 7 kontra Malta. L-Artiklu 7 fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea hija proċedura li twassal għas-sospensjoni ta’ ċertu drittijiet ta’ stati membri.

Fit-tmiem tal-ħidma tad-delegazzjoni Ewropea f’Malta, Giegold, li huwa l-kelliem għall-politika finanzjarja u ekonomika tal-Greens (EFA) ikkummenta separatament mill-grupp.

“Rajna progress f’Malta fl-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, imma ma kienx hemm titjib fejn tidħol il-korruzzjoni u kriminalità finanzjarja. Għad hawn kultura ta’ impunità u ħasil tal-flus,” sostna Giegold. Qal li l-ġurnalisti fil-pajjiż għadhom qed jaffaċċjaw ħafna ostilità.

Hu insista li Malta għandha bżonn liġijiet tal-media li jdgħajfu l-influwenza ta’ partiti politiċi fil-media u jipproteġu ġurnalisti minn libelli li jheddu l-eżistenza totali tagħhom.

Irrimarka li l-poplu Malti għandu dritt li jitlob għar-riżenja immedjata ta’ Muscat. Insista li għandu jirreżenja mill-aktar fiss possibbli. Qal li ma jaqbilx li Muscat għandu jibqa’ fl-uffiċċju sa Jannar li ġej.