Skattata investigazzjoni kriminali minħabba l-mewt ta’ Russu

Il-Pulzija Brittanika skattat investigazzjoni kriminali minħabba l-mewt tan-negozjant Russu Nikolai Glushkov f’Londra.
Qed jintqal li Glushkov miet minħabba tagħfis m’għonqu nhar it-Tnejn li għaddew.
Il-Pulizija Metropolitana ta’ Kontra t-Terroriżmu qalet li qed tqis dil-mewta bħala qtil.
Dan hu t-tieni każ simili fl-aħħar jiem fir-Renju Unit, wara l-każ tal-eksspija Russu, Sergei Skripal, u bintu Yulia, li nstabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury fl-4 ta’ Marzu li għaddew, wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Minn dakinhar huma għadhom l-isptar f’kundizzjoni serja, u r-Renju Unit qed iwaħħal fir-Russja li ppruvat toqtol lil dan l-eksspija.
Madankollu r-Russja dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
Sadanittant, il-Pulizija qalet li f’dan l-istadju m’hemm ebda traċċa ta’ rabtiet bejn il-każ ta’ Skripal u dak ta’ Glushkov.
Grushkov huwa l-eks-Deputat Direttur tal-linja tal-ajru statali Russa, Aeroflot.
Huwa kien inżamm arrestat fl-1999 għal ħames snin, minħabba allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u frodi.