Skart tal-ħġieġ ġo kaxxi tal-kartun kellu jitħalla fit-toroq – WasteServ

WasteServ

Read in English.

Il-WasteServ qalet li skart tal-ħġieġ li kien ġo kaxxi tal-kartun kellu jitħalla fit-toroq peress li ma kienx ġol-kontenituri li jerġgħu jintużaw kif għandu jkun.

Fi stqarrija, il-WasteServ iċċarat li llum ma nbidlet l-ebda sistema jew ma ddaħħlu l-ebda obbligi ġodda, la min naħa tal-WasteServ u lanqas min-naħa tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali. Kulma sar hu li ġie żgurat li r-regoli li ilhom japplikaw biex il-ħġieġ jidħol nadif, ħalli jkun jista’ jiġi riċiklat b’mod sew, jiġu infurzati.

Spjegat li llum l-iskemi privati GreenPAK u GreenMT, kolletturi f’isem il-produtturi u impurtaturi tal-ħġieġ, inkarigati biex jiġbru dan il-ħġieġ, flimkien mal-Kunsilli Lokali, nedew sistemi biex jiżguraw li l-ħġieġ jinġabar u ma jiġix ikkontaminat waqt il-ġbir.

Minn dan l-eżerċizzju ġie nnutat li għalkemm il-ħġieġ li nġabar ma kienx ikkontaminat bħad-drabi ta’ qabel, l-ammonti li waslu għand il-WasteServ kienu inqas minn dak li jasal is-soltu. Dan peress li dak l-iskart li ma kienx ġol-kontenituri kif suppost, u kien minflok, ġo kaxxi tal-kartun, tħalla fit-toroq.

Madankollu, il-WasteServ flimkien mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, se jiġbru dan il-ħġieġ sabiex ma jkun hemm l-ebda inkonvenjent fuq il-familji u dan jiġi riċiklat, iżda fl-istess waqt, se jintensifikaw il-ħidma tagħhom mal-iskemi sabiex jingħata s-servizz mixtieq u mistenni minnhom. Ingħad ukoll li se jitkomplew kampanji edukattivi sabiex titjieb il-ħidma ambjentali tal-pajjiż.

X’kienet avżat il-WasteServ?
Attent meta toħroġ l-iskart quddiem il-bieb